L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting fetħet is-sena b’kompetizzjoni eċċitanti, li wriet prestazzjonijiet mill-aqwa kemm minn atleti esperti kif ukoll minn dawk li qed jersqu ‘l quddiem.
Fil-kategorija tan-nisa, Tenishia Thornton ippreżentat wirja eċċezzjonali, fejn irnexxielha terfa’ 87kg fis-snatch u 109kg fil-clean and jerk. Dawn il-lifts wasslu biex kisret 12-il rekord nazzjonali fil-kategorija tal-71kg fis-sezzjonijiet U20, U23, u s-Senior. Kim Camilleri Lagana kisbet it-tieni post b’total ta’ 243 punt. Iż-żewġ atleti bħalissa qed iħejju ruħhom għall-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ u tal-Junior li se jsiru f’Perù.
Il-kompetizzjoni tal-irġiel kienet dominata mill-18-il sena Rylee Borg, li ħa l-ewwel post b’snatch ta’ 124kg u clean and jerk ta’ 155kg, għal total ta’ 341 punt. Il-prestazzjoni tiegħu wasslitu biex jikser 12-il rekord nazzjonali fil-kategorija tal-89kg fis-sezzjonijiet U20, U23, u Senior. Vlad Baldacchino kiseb it-tieni post b’total ta’ 339 punt, wara li għamel snatch ta’ 130kg u clean and jerk ta’ 155kg.

Kisba oħra notevoli waslet mis-sezzjoni tal-cadet u ż-żgħażagħ, fejn Nathan Mifsud ta’ 15-il sena ġabar total ta’ 300 punt wara li refa’ 85kg fis-snatch u 106kg fil-clean and jerk. Il-wirja tiegħu wasslitu biex jikser numru straordinarju ta’ rekords nazzjonali fil-kategorija tal-61kg fis-sezzjonijiet U15, U17, U20, u U23.
Dan l-avveniment ra wkoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi atleti żgħażagħ, li wrew teknika eċċellenti u titjib kontinwu fil-prestazzjonijiet tagħhom.
Matul il-kompetizzjoni, ġie magħżul it-tim li se jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonat Ewropew tan-Nazzjonijiet Żgħar u l-Malta Open li ġej. L-avveniment, li se jsir bejn l-21 u t-23 ta’ dan ix-xahar fiċ-Ċentru ġdid tat-Taħriġ u l-Kompetizzjonijiet tal-Weightlifting f’Marsa, se jlaqqa’ 14-il pajjiż u aktar minn 90 atleta internazzjonali. It-tim Malti se jinkludi lil Tenishia Thornton, Kim Camilleri Lagana, Rylee Borg, u Vlad Baldacchino, flimkien ma’ Nathan Mifsud u Roberta Tabone fil-Kampjonat Open.
Din il-kompetizzjoni tat bidu b’saħħtu għas-sena l-[didad u enfasizzat il-progress u d-determinazzjoni tal-weightlifters Maltin hekk kif ikomplu jippreparaw għal avvenimenti internazzjonali.
