L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija (MAP) esprimiet r-riservi tagħha għall-kummenti li dehru fil-mezzi tax-xandir dwar id-dipressjoni u l-kura għaliha.
Fi stqarrija l-assoċjazzjoni qalet li d-dipressjoni, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed issir problema komuni, u fil-futur qarib mistennija tkun l-iktar kundizzjoni li tikkontribwixxi għal nuqqas mill-ħin tax-xogħol f’pajjiżi żviluppati. Id-dipressjoni hija kundizzjoni serja, u spiss kumplessa, u min ibati minn din il-kundizzjoni għandu bżonn ikun mifhum, appoġjat u trattat b’rispett, minħabba li jaf ikun qed isofri ħafna. Filfatt, id-dipressjoni, fl-agħar forom tagħha, tpoġġi f’riskju wkoll il-ħajja tal-individwu.
Minkejja dan, iżda, id-dipressjoni hija trattabli, f’kull severita’. L-assoċjazzjoni qalet li għalhekk huwa ta’ importanza kbira li kulħadd jagħraf is-sintomi ta’ din il-kundizzjoni u jkun infurmat bil-mezzi ta’ kura li jeżistu f’dan ir-rigward, dejjem jekk din il-kura tkun waħda effettiva u bbażata fuq riċerka klinika b’saħħitha. Fil-verita’, fil-qofol tal-kura għad-dipressjoni hemm il-psikoterapija u l-mediċina. Kuntrarju għal perċezzjoni pubblika, din il-mediċina mhix waħda li tqanqal xi forma ta’ dipendenza u lanqas li sservi bħala xi forma ta’ ‘kalmanta’. L-għan ta’ din il-mediċina huwa li tirrestawra l-bilanċ normali tal-kimiċi li jinsabu fil-moħħ.
Il-proċedura tat-Transcranial Magnetic Stimulation, magħrufa bħala TMS, hija waħda mill-metodi ta’ kura għad-dipressjoni. Ingħatat l-ewwel approvazzjoni biex tintuża għal dan il-għan fl-2002, mill-Assoċjazzjoni Kanadiża dwar is-Saħħa, u hija ta’ użu partikolarment f’każijiet meta d-dipressjoni ma tiġix kurata bit-trattamenti tas-soltu. Madankollu, il-proċedura tat-TMS mhix rakkomandata bħala l-ewwel linja ta’ kura għad-dipressjoni. Dan jidher biċ-ċar fil-linji gwida ta’ istituzzjonijiet rinomati, bħal Istitut Nazzjonali għal Eċċelenza fil-Kura (NICE) fir-Renju Uniti, jew inkella tal-Assoċjazzjoni Psikjatrika tal-Amerika, fl-Istati Uniti. Minħabba l-limitazzjonijiet fl-aċċessibilita’ għal proċedura, flimkien mal-ispejjeż finanzjarji tagħha u r-rati ta’ kura relattivament baxxi (15% – 30%), it-TMS ma tistax titqies bħala pilastru fil-kura tad-dipressjoni.
Madankollu l-assoċjazzjoni qalet li qed tappoġġja l-użu tat-TMS jekk din il-proċedura ssir skont il-protokol jiġifieri b’sezzjoni ta’ TMS kuljum (ħames ġranet fil-ġimgħa) għal minimu ta’ ġimgħatejn, u tipikament għal total ta’ erba’ jew sitt ġimgħat, sakemm jiġi innutat titjib fis-sintomi tad-dipressjoni. Biss, minkejja dan, l-assoċjazzjoni psikjatrika tixtieq itenni li m’hemm l-ebda kura ta’ malajr għad-dipressjoni. Sfortunatament kemm il-mediċini, il-psikoterapija u t-TMS jirrikjedu ċertu ammont ta’ ħin qabel ma wieħed jikseb il-fejqan mixtieq. S’issa għad ma teżisti l-ebda riċerka li tikkonferma l-effettivita’ ta’ TMS fi tfal inqas minn tliet snin fl-eta’. Lanqas ma teżisti riċerka li tikkonferma li t-TMS f’din l-eta’ ma ġġorx magħha ċertu perikli. Iktar minn hekk, huwa fatt magħruf fid-dinja xjentifika li t-TMS juża kalamita biex iqanqal effett newroloġiku u mhux biex jibbilanċja xi kalamiti naturali fil-moħħ. Fil-verita’, il-moħħ m’għandux bżonn kalamiti biex jiffunzjona b’mod normali.
Saħqet li d-dipressjoni hija kundizzjoni kurabli, li bħal tant kundizzjonijiet tas-saħħa oħrajn, tirrikjedi l-ħin sakemm titfejjaq. Ma teżisti l-ebda kura maġika li taħdem mal-ewwel fuq id-dipressjoni u għalhekk l-MAP tħeġġeġ lil pubbliku biex joqgħod attent minn interventi li jiġu reklamati daqs li kieku se jfejqu d-dipressjoni f’ħakka t’għajn. Dawk li jixtiequ iktar informazzjoni fuq il-mezzi ta’ kura li jeżistu għad-dipressjoni għandhom jieħdu parir mingħand it-tabib tal-familja tagħhom, jew inkella minn klinika tas-saħħa mentali fil-komunita’. Dawn il-kliniċi huma mmexxija minn professjonisti mħarrġa apposta, u li jipprovdu wkoll fuljetti b’informazzjoni dwar problemi tas-saħħa mentali u l-kura li teżisti għalihom.
Barra minn hekk, l-MAP sostniet li tinsab imħassba ferm mill-fatt li ċertu individwi li għandhom influwenza kbira fil-komunitajiet tagħna spiss jinsew ir-responsabbiltajiet tagħhom u minflok jagħżlu li jieħdu vantaġġ minn pazjenti, li jafu jkunu vulnerabbli minħabba x-xewqa tagħhom li jsibu kura għal kundizzjoni li jkunu fiha.
L-MAP għalhekk ħeġġet lil professjonisti kollha fil-qasam biex kull kumment li jagħtu jkun wieħed bilanċjat u mirqum, u biex qatt ma jinsew li l-qasam tal-mediċina qiegħed hemm biex iservi lil individwu, u mhux għal gwadan personali.
L-MAP ħeġġet ukoll lil mezzi tax-xandir ta’ pajjiżna biex iħarsu lejn ir-responsabbilitajiet kbar li għandhom lejn il-qarrejja u l-udjenzi tagħhom. Dan b’mod speċjali fir-rigward tad-dmir li jinfurmaw lil pubbliku bir-reqqa, partikolarment f’sitwazzjonijiet li jiddiskutu kwistjonijiet ta’ natura sensittiva, bħas-saħħa tal-individwu. F’ċirkostanzi sensittivi bħal dawn, il-pubbliku jaf isibha iktar diffiċli biex jiddistingwi bejn kura ispirata mill-fantażija u l-kura li teżisti tassew.
L-MAP irrikonoxxiet li f’sitwazzjonijiet sensittivi bħal dawn, persuni li jafdaw ħafna fuq professjonisti li jidhru fuq il-mezzi tax-xandir jafu jispiċċaw vittmi u jġarrbu d-danni. L-MAP temmet tgħid tgħid li huwa d-dmir ta’ kull kamra tal-aħbarijiet li tibbaża l-kontenut li tippublika fuq fatti li huma pruvati b’evidenza xjentifika.