Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi kkundannat l-aġir ta’ ċertu kuntratturi li b’mod irresponsabbli jużaw metodi mhux konformi mal-liġi biex iwaqqgħu xi bini.
L-MDA irreferiet għal rapporti fl-istampa dwar il-mod kif qed isir it-twaqqigħ tal-lukanda Imperial f’Tas-Sliema.
L-MDA spjegat li illum il-kuntratturi għandhom il-mezzi, apparti l-obbligi legali u morali biex meta jsiru xogħolijiet bħal dawn, l-inkonvenjenzi għall-ġirien u għall-pubbliku inġenerali jkunu mtaffija u kemm jista’ jkun limitati.
Hu ovvju li dan ma sarx u kien hemm abbuż serju fil-każ li kien irrapportat, saħqet l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi
L-MDA qalet li tassigura li l-Uffiċju li jirregola l-bini jista’ jieħu l-passi drastiċi fil-konfront ta’ min ma jikkoperax mal-awtoritajiet dwar il-metodi li għandhom jintużaw biex isir it-twaqqigħ ta’ bini eżistenti.
L-MDA temmet billi appellat ukoll lill-Gvern biex jiżdiedu l-multi għal min ma jridx josserva l-liġijiet tal-bini.