L-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Vetturi Użati qablet li timplimenta regoli iżjed ħarxa b’rabta mal-każ ta’ allegat tbagħbis fl-arloġġi ta’ karozzi second-hand importati mill-Ġappun.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li żewġ membri minn tagħha, li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-allegat każi, ġew sospiżi.
L-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Vetturi Użati qalet li hija dejjem tisħaq li l-membri tagħha għandhom ifitxxu li jżommu l-aħjar standards kemm fl-interess tax-xerrejja kif ukoll minħabba r-reputazzjoni tal-bejjiegħa li huma membri fl-assoċjazzjoni.
L-Assoċjazzjoni qalet li se jsir eżerċizzju ta’ awditjar intern sabiex tara li l-membri tagħha huma ġenwini u li jimxu mal-liġi.
Talbet ukoll lil dawk li għandhom xi suspett sabiex javżaw lill-awtoritajiet kompetenti.
Filwaqt li għamlitha ċara li tikkundanna azzjonijiet bħal dawk li ġew allegati, l-Assoċjazzjoni qalet li se tibda kampanja sabiex teduka lin-nies dwar kif jistgħu jivverifikaw l-arloġġ tal-vettura tagħhom.