Joseph Bugeja, iċ-Chairman il-ġdid tal-Assoċjazzoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers, l-ATTO, tenna d-diżapprovazzjoni tiegħu għad-direttiva Ewropea, magħrufa bħala Emissions Trading System, li diġà bdiet titfa’ piż sproporzjonat fuq pajjiżna, bħala gżira, li tiddependi sew fuq it-trasport bil-baħar.
“L-ETS directive f’dak li jirrigwarda Malta u l-ekonomija tagħha, ekonomija importanti li qiegħda tikber kontinwament hi penalizzanti. Mhijiex favur Malta, għax aħna li aħna gżira, m’għandniex alternattiva ħlief li nużaw il-baħar biex it-trailers li jgħabbu l-merkanzija jew jieħdu l-merkanzija lejn l-Ewropa, iridu jieħdu t-traġitt minn port Taljan għal Malta. Direttiva li forsi l-għan oriġinali tagħha hu tajjeb, imma fil-każ ta’ Malta qed niġu penalizzati.”
It-taxxa l-ġdida marbuta mat-tbaħħir tal-vapuri tal-merkanzija ġiet introdotta mill-Unjoni Ewropea fil-bidu ta’ din is-sena f’eżerċizzju ta’ one size fits all.
Din id-direttiva sabet saħansitra spalla u approvazzjoni minn Roberta Metsola, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u President tal-Parlament Ewropew, minkejja li hi inġusta kontra pajjiżna u l-konsumatur Malti.
Metsola ddeskriviet din id-direttiva bħala storika u kruċjali.
“Is-sitwazzjoni mhijiex favur Malta, mhijiex ġusta fuq Malta la bħala trailers u lanqas bħala Freeport, għax ħa tpoġġina fi żvantaġġi kbar u jħallas il-konsumatur. Għaldaqstant naħsbu li għandu jsir ħsieb serju fuqha jew tiġi emendata jew tiġi riviżitata, għax inġusta fuq il-pajjiż tagħna.”
Iċ-Chairman il-ġdid tal-ATTO spjega li l-assoċjazzjoni tirrapreżenta lill-operaturi Maltin tat-trasport bit-triq fl-industrija tal-loġistika u li huma kruċjali biex jgħaqqdu lil pajjiżna mal-bqija tad-dinja, bis-servizzi tagħhom. Fil-fatt, il-membri ta’ din l-assoċjazzjoni jgħoddu madwar 70% tal-importaturi u esportaturi f’pajjiżna f’industriji differenti.
Bugeja, li għadu kemm daħal għal din il-kariga l-ġdida, tkellem ma’ ONE News dwar kemm hu kruċjali dan is-servizz f’pajjiżna u l-volum kbir ta’ xogħol li jsir kontinwament bejn dħul u ħruġ minn pajjiżna.
“Biex wieħed jifhem kemm dan is-servizz hu importanti, il-membri tal-ATTO jimmaniġġjaw medja ta’ 1,300 trailer fil-ġimgħa bejn dħul u ħruġ.”