L-Assoċjazzjoni tal-Futsal ta’ Malta, wara għaxar snin mindu twaqqfet, xtaqet li timraħ aktar fis-soċjetà Maltija.
Dan se tagħmlu billi tibda toffri taħriġ biex nies b’diżabilità, li huma neqsin parzjalment mid-dawl, ikollhom l-opportunità li jilagħbu l-logħba tal-futsal.
Dan se jkun jista’ jseħħ permezz ta’ ballun apposta, li jagħmel il-ħsejjes, li jippermettu lil min ikun qed jilgħab il-futsal, biex jagħraf fejn hu l-ballun permezz tas-sens tas-smiegħ.
Ma’ Julian Bajada, li huwa s-Segretarju Ġenerali tal-kumitat tal-Malta Paralympic, tkellimna dwar dan l-ewwel pass għal Para Sports f’Malta speċjalment għal dawk nieqsa mid-dawl.
Bajada spjega,“Ħa niftħu l-bibien ġodda għall-atleti u individwi li huma neqsin mid-dawl jew visual impairment. Dawn ħa jkollhom għall-ewwel darba l-opportunità li jipparteċipaw fi sports, infatti l-ewwel sport se nibdew proġett mal-Futsal Malta.”
Mark Borg mill-Assoċjazzjoni tal-Futsal ta’ Malta spjegalna dwar din l-inizjattiva.
Hu sostna, “Din hija inizjattiva importanti ħafna għal Futsal Malta f’għeluq l-għaxar anniversarju tagħna ħassejna li għandna nagħmlu outreach fil-komunità u se nagħtu opportunità biex il-logħba tintlagħab fil-komunità inġenerali.”
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca li tmexxi il-Malta Trust Foundation, spjegat li din il-kollobarazzjoni mal-Malta Paralympic Committee u l-Assoċjazzjoni tal-Futsal ta’ Malta hija ċelebrazzjoni minnha nnifisha, għaliex is-soċjetà qed tkun aktar inklussiva.
Hi stqarret,“Il-Malta Trust Foundation fejn tidħol persuni b’diżabilità digà daħlet f’ċertu gaps li hemm, qed toffri servizz tat-tfal biex jieħdu gost bil-mużika u jitgħallmu u l-arti, anki fil-qasam edukattiv kif tissapportja ħafna lil tfal b’diżabilità partikolarment tfal bl-awtiżmu u li ma jitkellmux u tfal li għandhom visual impairement, allura kien wasal il-punt ukoll tal-isports.”
Preżenti kien hemm ukoll Elias Mastoras, il-President tal-International Blind Soccer Association.