L-Assoċjazzjoni Maltija għad-dijabete laqgħet b’sodisfazzjoni l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jestendi l-wegħda tiegħu ta’ stikek b’xejn għall-pazjenti li għandhom id-dijabete anke għal dawk il-pazjenti li għandhom dijabete tat-tip 2 u li jagħmlu użu mill-insulina.
L-Assoċjazzjoni qalet li din hija aħbar pożittiva ferm li se tkun qed tneħħi kull tip ta’ diskriminazzjoni bejn pazjenti li għandhom dijabete ta’ tip 1 u pazjenti li għandhom dijabete tat-tip 2.
“Dawn l-istikek b’xejn se jkunu qed jassiguraw li dawn il-persuni jingħataw is-sapport neċċessarju biex jikkontrollaw id-dijabete b’mod aktar effettiv. Din l-inizjattiva se tkun qed ukoll tnaqqas l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-istikek,” qalet il-President tal-Assoċċjazzjoni, Anna Zammit McKeon.
Dawn l-istikek jintużaw mill-pazjenti tad-dijabete biex jiċċekjaw il-livell taz-zokkor.
L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li tixtieq tara dan is-servizz jiġi estiż għal persuni li jgħixu b’dijabete tat-tip 2 kemm jista’ jkun malajr u irrispettivament jekk jagħmlux użu mill-insulina jew mediċina oħra.