L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, ippreżentat il-proposti tagħha ta’ qabel il-baġit, li fi kliemha huma kruċjali għall-benefiċċju tal-pajjiż, li wkoll jinkludu żieda fl-età tal-irtirar, waqt li jiddaħħlu miżuri fiskali biex inqas persuni jagħżlu li jirtiraw qabel il-waqt.
Fil-preżentazzjoni tal-proposti tagħha, l-MEA spjegat li dawn huma maqsumin fuq 11-il taqsima, b’enfażi partikolari fuq ix-xogħol.
Ma’ dan, l-assoċjazzjoni talbet biex il-Gvern ikopri l-ispejjeż, fost l-oħrajn, ta’ xi ġimgħat mil-leave tal-maternità, tal-mard u anke fejn jidħlu penali f’sitwazzjonijiet meta kumpaniji kbar ma jħaddmux iżjed minn 2% tal-persuni b’diżabilità, kif tesiġi l-liġi.
Fil-proposti tagħha, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ittrattat ukoll l-ekonomija, fejn qalet li l-pajjiż għandu jiffoka fuq direzzjonijiet iżjed b’saħħithom u bidliet ekonomiċi li jwasslu l-ekonomija biex tipproduċi aktar b’valur għoli u b’mod sostennibli.
Il-MEA laqgħet l-aħbar li ta l-Prim Ministru Robert Abella, jiġifieri li, fil-baġit li jmiss, se jkompli jsostni lill-klassi medja f’pajjiżna, partikorament bit-tnaqqis tat-taxxi.
Fl-istess konferenza, intqal kif, mill-indikazzjonijiet u t-taħditiet li kellha mal-Gvern, l-assoċjazzjoni hi informata li l-Aġġustament għall-Għoli tal-Ħajja jew il-COLA, kif inhu magħruf, se jkun bejn €5 u €6 għas-sena li ġejja.
L-MEA tkellmet ukoll dwar il-qasam agrikolu u ssuġġeriet li l-Gvern jalloka aktar riżorsi ħalli jissalvagwardja l-prodott lokali.
Il-proposti tal-MEA ġew ippreżentati lill-midja l-għada li kellha laqgħa mal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja, bħala parti mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit.
Hawn il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jirrevedi tal-politika tal-immigrazzjoni biex din tkun aktar addattata għar-realtajiet u l-bżonnijiet tal-preżent u l-futur, inkluż f’ċerti setturi tax-xogħol.
Fil-fatt, id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Kevin Borg, qal li l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għal strateġija fuq il-marittimu, kif ikkonfermat anke mill-Ministru konċernat. Imma mhux biss.
“Kellna meeting tajjeb ħafna ta’ kważi sagħtejn, mhux biss mal-Prim Ministru, imma ma’ diversi membri tal-Kabinett u konsulenti tal-Prim Ministru. Il-Gvern semagħna, għedna ċerti proposti li diġà laqagħhom, fosthom li tingħata l-għajnuna għal-iskejjel privati, minħabba l-ftehim kollettiv il-ġdid tal-għalliema biex huma jerfgħu ċerti piżijiet qabel ma jgħaddu fuq il-ġenituri.”