L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey nediet uffiċjalment il-kunċett tal-hockey 5s hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet sar festival għall-plejers femminili li pparteċipaw bil-kbir filwaqt li ħadu togħma ta’ din il-logħba differenti.
Fil-fatt din l-assoċjazzjoni investiet f’apparat ta’ livell Ewropew li jiġi armat u żarmat f’ħin qasir sabiex jinħoloq spazju fejn ikun hemm logħob tal-hockey ta’ ħamsa kontra ħamsa.
Sadanittant l-umpire John Williams spjega r-regoli diversi tal-hockey 5s li għandu regoli xi ftit differenti minn dak tradizzjonali.
Il-president tal-HAM Gordon Mifsud irringrazzja lill-organizzaturi u n-numru sabiħ ta’ voluntiera li taw il-kontribut tagħhom sabiex din l-attivita’ sseħħ u sostna li bħala assoċjazzjoni qed jaħdmu sabiex dan il-kunċett innovattiv ikompli jikber.
Hu temm jgħid li hemm il-ħsieb li fiż-żmien mhux ‘il bogħod jinħoloq kampjonat tal-hockey 5s fejn numru ta’ timijiet ikunu jistgħu jieħdu sehem bl-għan ewlieni li tiżdied il-popolarita’ ta’ dan l-isport.
(Photo Credit: Stefan Agius)