Ix-xahar ta’ Marzu tal-2024 se jibqa’ mfakkar bħala pass importanti fil-pjan ambizzjuz tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball (MHA). B’kollaborazzjoni mal-EHF u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, David Ruch ġie nkarigat biex itejjeb il-livell tal-Handball f’Malta.
Il-President tal-MHA, Daniel Tabone qal: “Huwa ta’ unur għalina li David se jkun parti mit-tim tagħna. Il-Board tat-tmexxija tal-MHA jemmen li hu l-persuna ideali għax għandu esperjenza kbira fil-qasam peress li ħadem ma’ klabbs ta’ livelli għoli w anke mal-Federazzjoni Franċiża tal-Handball. Jiena żgur li l-esperjenza u l-viżjoni tiegħu se jagħtu l-frott f’kull livell tal-Handball Malti
David Ruch ilu għal dawn l-aħħar 25 sena jaħdem bħala coach, jidentifika t-talent u jmexxi diversi klabbs. Beda l-karriera tiegħu bħala coach fi Strasburgu u t-talent tiegħu spikka mill-ewwel tant li l Federazzjoni Franċiża tal-Handball ħatritu bħala Direttur Reġjonali għal 4 snin. Minn hemm inqagħad ma’ AS Monaco bħala General Manager u coach tat-tim professjonali għal 4 snin oħra. Is-sur Ruch wassal li US Ivry fl-Ewwel Diviżjoni Franċiża fejn ikkowċja players professjonali magħrufin bħal Diego Simonet u Davor Dominicovic. Taħtu, t-tim wasal sal-Kwarti tal-Finali tal-League Ewropew u anki għal Finali taz-Tazza Franċiża.
Fl-2012 il-club ta’ Rouen talbu lil David iwaqqaf klabb ġdid f’qafas professjonali u mexxihom għar-rebħa tar-Raba’ Diviżjoni Nazzjonali kif ukoll għat-Tazza Reġjonali.
Fl-2015 inqalgħet l-opportunita’ biex David ikun l-assitant coach għas-sur Noka Serdarusic u flimkien ħadmu ma’ players popolari bħal Nicholas Karabatic, Thierry Omeyer fi ħdan Paris Saint-Germain u wasslu fiċ-Champions League tal-EHF u fl-Għola Diviżjoni Franċiża.
Wara dan is-suċċess baqa’ jaħdem f’Pariġi mal-Federazzjoni Franċiża tal-Handball bħala Development Manager u għal dawn l-aħħar 4 snin David reġa’ kien General Manager għal klabb ta’ Rouen.
Id-direttur tekniku qal: “Il-proġett ambizzjuż li għandhom l-MHA hu l-fattur li wassalni biex naċċetta din il-ħatra. Jien nemmen li nista’ naqsam l-esperjenza u l-għarfien tiegħi mat-tmexxija tal-MHA, klabbs, coaches u players biex insawwru filosofija fil-komunita’ Maltija tal-Handball li tagħti futur aħjar lil Handball Malti.”