L-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema Għawdxin, l-AGEM, laqgħet il-miżura tal-Gvern li se jagħti rimobrż fuq il-prezz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex għall-istudenti u edukaturi Għawdxin.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret kif mill-bidu tax-xahar id-dieħel, dawk l-edukaturi u l-istudenti li jivvjaġġaw bejn il-gżejjer, se jingħatalhom rimborż ta’ parti sostanzjali mill-prezz tal-passaġġ tal-fast ferry.
L-AGEM qalet kif din il-miżura apparti li se ttaffi mill-piżijiet ta’ ħafna ħaddiema Għawdxin, li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta għal skopijiet ta’ xogħol, se ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tagħhom.
Minbarra dan, l-għaqda Għawdxija għamlet referenza wkoll għall-fatt li l-Ministeru għal Għawdex ħadem sabiex jerġgħu jiżdiedu l-vjaġġi ta’ wara nofshinar bil-fast ferries, hekk kif dawn kienu kruċjali biex il-ħaddiema jmorru lura lejn darhom mingħajr ħafna dewmien wara ġurnata xogħol.
Intant l-AGEM appellat ukoll sabiex din il-miżura tar-rimborż tiġi estiża għall-ħaddiema kollha Għawdxin.