L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika laqgħet il-miżuri mħabbra mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa nhar il-Ħamis li għadda biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija tal-Covid-19 u tenniet l-appoġġ tagħha lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-miżuri mħabbra għandhom jikkontrollaw l-infezzjonijiet tal-Coronavirus f’pajjiżna.
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika appellat għall-koperazzjoni tal-pubbliku u biex il-miżuri jkunu osservati.
Sostniet li l-infurzar ta’ dawn il-miżuri huwa importanti biex tkompli tiġi miġġielda l-pandemija.
L-Assoċjazzjoni tenniet l-appoġġ sħiħ lill-Professur Gauci u qalet li l-uffiċċju tagħha kien soġġett għall-attakk inġust waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis.
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika qalet li l-Professur Charmaine Gauci u t-tim tagħha kienu strumentali biex jagħtu pariri importanti, b’deċiżjonijiet iebsa fi żmien ta’ sfida u f’ġieħ l-interess tas-saħħa pubblika ta’ pajjiżna.