L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali flimkien mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali llum iffirmaw MoU mal-istitut edukattiv Idea Leadership & Management Institute (ILMI).
L-għan ta’ dan il-fthiem huwa li t-tliet partijiet jikkollaboraw biex ifasslu programm fuq livell MQF 7, M.Sc Programme in Governance.
Dan il-programm edukattiv ser jipprovdi lill-parteċipanti b’ tgħarif u prattiċitajiet fil-governanza u leadership. Dan il-programm huwa prinċiparjament immirat għall-ħaddiema u membri eletti li direttament jew indirettament jaħdmu mal-Kunsilli Lokali. Jistgħu japplikaw ukoll dawk kollha li jinteressahom il-management u t-tmexxija fil-governanza.
ILMI tikkommetti ruħha li twassal programm intenssiv fejn is-siegħat ser ikun imqasma biex tkun faċli għal dawk il-ħaddiema li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom filwaqt li jkomplu jaħdmu. Il-lectures ser ikunu mqasma; 60% lezzjonijiet u 40% online.
Dan il-programm ta’ studju ser jidħol fid-dettal ta’ Prinċipji u Applikazzjoni ta’ Governanza, Immaniġjar tar-Riżorsi Umani, Immaniġjar tal-finanzi u teħied ta’ deċiżżjonijiet, il-Liġi, Governanza u Strateġija, Metodi ta’ riċerka, Immaniġjar ta’ proġetti u Immaniġjar operattiv.
Bil-għan ta’ dan il-programm ta’ studju, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali flimkien mal-partijiet kkonċernati qed tara li jitwassal wieħed mill-aqwa programmi f’ livell ta’ Masters u titjieb fl-akkwist ta’ ħiliet biex wieħed dejjem jinvesti fl-amministrazzjoni pubblika.
Dan għandu jgħin ukoll biex issa anki membri eletti ikollhom qafas ta’ taħriġ li jista’ jwassal għall-masters. L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali ser ikun qed jgħinu fil-finanzjament ta’ dan l-istudju.