Djalogu li qed iħalli l-frott qed iseħħ ftit tal-jiem biss wara li L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) rreġistrat tilwima industrijali u elenkat tibdiliet li tixtieq tara fiċ-ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Fi stqarrija konġunta bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-MAM, ħabbru li qed jiltaqgħu sabiex jiddiskutu dak kollu li jista’ jitjieb fil-kura primarja. Il-MAM se tippreżenta l-proposti tal-Gvern lill-membri tagħha fil-jiem li ġejjin.
Fost oħrajn huma tkellmu favur titjib fil-mod kif jittieħed il-leave fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u aktar tobba li jilqgħu lin-nies malli jiġu ċ-ċentru. Tkellmu favur aktar serħan-il moħħ fejn jidħol xogħol part-time, reduced hours u kuntratti għas-servizzi li joffru t-tobba. Esprimew irwieħhom kontra ħinijiet twal ta’ stennija għall-pazjenti li huma morda u qalu li dawn m’għandhomx jistennew flimkien ma’ dawk li jkollhom bżonn servizzi oħra. Semmew ukoll il-problemi ta’ iffullar fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana u l-bżonn ta’ aktar konsultazzjoni fiċ-ċentru ta’ Ħal Kirkop. Jemmnu wkoll li hemm bżonn aktar faċilitajiet għat-tobba.