“L-Assoċjazzjoni tal-Baned Maltin” ġiet imċaħħda mill-Premju Ċittadin Ewropew 2016 minkejja li s-sitt Membri Parlamentari Maltin b’mod unanimu innominaw lil din l-Assoċjazzjoni għall-Premju Ċittadin Ewropew ta’ din is-sena.
Fi stqarrija l-membru Ewro-Parlamentari Alfred Sant qal li l-Kumitat tal-Għoti tal-Premijiet tal-Parlament Ewropew caħħad dan il-premju lill-Assoċjazzjoni Maltija mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Membri Ewro Parlamentari Maltin. Sant wera d-diżappunt tiegħu għal din id-deċiżjoni f’ittra li bagħat lil Martin Schultz, il-President tal-Parlament Ewropew.
Dr Sant qal lil Schultz li ma jistax jifhem kif il-Kumitat tal-Għoti tal-Premju Ċittadin Ewropew sfaċċatament injora r-riflessjoni li saret mis-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin biex flimkien approvaw l-għażla tagħhom.
“Qed nassumi li dan għamluh wara li qiesu n-nomina għal ftit minuti, mill-bogħod ta’ Brussell u bi ftit għarfien tal-kuntest Malti. Żgur li deċiżjonijiet ta’ dan it-tip jitfgħu lill- Parlament Ewropew f’dawl ikrah, fi żmien meta l-istituzzjonijiet Ewropej qed ikunu meqjusa mill-votanti Ewropej bħala distanti, elitisti u b’wisq poter – problema li naf li qed tinkwetak. Nixtieq inkun naf l-opinjoni tiegħek dwar dan.” qal Dr Sant fl-ittra lil Schultz.
Dr Sant stqarr li huwa minnu li l-organizzazzjoni magħżula din is-sena mill-Kumitat tal-Għoti tal-Premijiet kien jistħoqqilha l-premju. Infatti l-Membri Parlamentari Ewropej approvawha għas-sena 2017.