L-Assistent tal-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola, infexx f’attakk sfrenat kontra dawk li ssimpatizzaw mal-istudenti li wettqu protesta fl-MCAST, b’reazzjoni għall-aġir tal-ta’ Metsola, b’rabta mal-gwerra fil-Lvant Nofsani.
Tant li anke spiċċa jiddefendi it-tqabbil tal-azzjonijiet ta’ Metsola mal-ġenoċidju, li kien ikkonfrontat bih.
Jixhdu dan kummenti fuq Facebook taħt l-aħbar ta’ Moviment Graffiti, il-Ġimgħa filgħodu meta waqt żjara fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid Metsola, ntlaqgħet minn rabja ta’ grupp ta’ studenti li akkużawha li hi responsabbli għall-ġenoċidju f’Gaza.
Il-kummenti ma huma ta’ ħadd ħlief, Chris Falzon.
L-assistent ta’ Roberta Metsola f’Malta, kif anke jixhed il-profil tiegħu fuq Facebook.
Taħt l-aħbar ta’ Moviment Graffitti, Falzon kien wieħed minn ftit li ħareġ għonqu għal Metsola tant li akkuża lil min issimpatizza mal-kawża tal-istudenti, li qed jipprova jġelled il-Maltin.
Quddiem dawn l-attakki minn dak li jaħdem fl-uffiċċju ta’ Roberta Metsola, kienu bosta li indirizzaw lil Falzon bħala simpatizzant ta’ Metsola għaliex sempliċiment jaħdem għaliha. B’Falzon ma’ jaqta xejn lura u jgħid li huwa kburi.
Tant hu hekk li f’din id-dagħdiha, l-assistent lokali ta’ Roberta Metsola meta persuna partikolari akkużatu li jaħdem għal persuna responsabbli ta’ ġenoċidju, ukoll tenna li huwa kburi minflok innega din l-akkuża serja.
Kien f’nofs din id-dagħdiha u tentattivi sfrenati biex jiddefendi lil Metsola quddiem l-għadab kbir li ħolqot b’azzjonitha, li ħarġu wkoll l-għeruq konservattivi u tal-establishment.
Fil-fatt, Chris Falzon li anke fuq Facebook jitfa’ ritratti ma’ ewlenin tal-establishment fosthom Karol Aquilina u Jason Azzopardi, saħaq ukoll li huwa ‘fan kbir’ tal-Arċisqof Gonzi u dak attwali llum, Charles Scicluna.
Intant, filwaqt li simpatizzanti bħal Falzon għamlu minn kollox biex jaqbżu għal Roberta Metsola, l-MEP Nazzjonalista quddiem din il-protesta rat kif għamlet biex ħarbet mill-MCAST mingħajr ma lanqas wieġbet lill-ġurnalisti preżenti.
Fil-fatt, Roberta Metsola ma reġgħetx ħarġet mid-daħla prinċipali minn fejn daħlet aktar qabel u sabet studenti jipprotestaw kontra tagħha.
Hi għamlet dan biex tevita lill-istudenti li pprotestaw u lill-ġurnalisti li nġabru biex jistaqsuha d-domandi barra l-MCAST.
One News il-Ġimgħa żvela li l-pjan kien li Metsola toħroġ mid-daħla li daħlet minnha u anke ddur mal-istudenti.
Iżda, ladarba rat l-istudenti jipprotestaw kontriha qabdet lift, niżlet minnu u ħarġet dirett mill-parkeġġ taħt l-art. Hekk evitat lill-istudenti u anke lill-ġurnalisti li kienu fuq barra jistennewha biex jistaqsu l-mistoqsijiet.
Fil-fatt, sors ta’ ONE News minn ġewwa l-MCAST spjega lil ONE News kif Metsola kellha ppjanat ukoll li tiltaqa’ mal-istudenti fil-canteen tal-istess kulleġġ, madankollu quddiem dan kollu b’ħeffa liema bħalha dlonk ħarġet kwiet kwiet bil-għan li ma tattira aktar attenzjoni.