L-assi netti tal-kumpanija tal-espert Irlandiż fl-inkjesta tal-isptarijiet Sam Sittlington kibru bi tmenin darba, minn tnax-il elf ewro għal disa’ mija u sittin elf ewro, wara li l-istess Sittlington inħatar espert tal-Qorti Maltija mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Qabel beda jinħatar bħala espert, l-assi netti tal-kumpanija ta’ Sittlington, The Fraud Company Limited, kienu ta’ tnax-il elf ewro fis-sena. Sittlington ma kienx qiegħed jagħmel qligħ kbir għaliex wara li jinqatgħu l-ispejjeż, l-assi netti tal-kumpanija baqgħu staġnati fl-istess livell għal madwar seba’ snin.
Dan kollu iżda nbidel meta l-espert Irlandiż inħatar espert tal-Qorti f’Malta. Fil-fatt minn hawn ’il quddiem il-qligħ tal-kumpanija sploda. Meta Sittlington spiċċa mill-ingaġġ tiegħu bħala espert tal-Qorti fl-inkjesta tal-isptarijiet, l-assi netti tal-kumpanija kienu jammontaw għal disa’ mija u sittin elf ewro. Dan wara li l-kumpanija ħallset lil Sittlington u lill-uffiċjali l-oħra u għamlet ħlasijiet oħra.
Riżultat tal-ħatra min-naħa tal-Maġistrat Gabriella Vella, l-kumpanija żgħira ħafna ta’ Sittlington li kienet qed titħabat biex tikber, spiċċat kibret bi 80 darba fi ftit snin.
Minkejja dan kollu waqt li kien qiegħed jagħmel ix-xogħol ta’ espert fl-inkjesta pprova jikseb kuntratt ta’ konsulenza ta’ miljun ewro oħra mal-Korp tal-Pulizija. Dan kien każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess qawwi.
Sittlington kien għamel l-istess fil-Guyana fl-Amerika ta’ Isfel, meta nħatar mill-Gvern Ingliż bħala espert mal-Pulizija ta’ dan il-pajjiż, iżda fl-istess ħin waqqaf kumpanija privata biex tagħmel l-istess xogħol. Hekk kif sar magħruf dan il-fatt, Sittlington tkeċċa mill-Gvern Ingliż.
Meta xehed fil-Qorti dwar l-inkjesta tal-isptarijiet, Sittlington kien imwissi għal iktar minn darba, l-ewwel mill-Maġistrat Rachel Montebello u wara mill-Maġistrat Leonard Caruana, li huwa kien qiegħed jixhed taħt ġurament u għalhekk ried jgħid il-verità kollha għaliex jekk le kien hemm konsegwenzi serji, fosthom priġunerija.