L-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku ta’ Malta ospitat it-tielet laqgħa tat-Time Trials għall-istaġun 2021/2022 nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu.
L-avveniment wera li kien wieħed mill-aktar laqgħat bbilanċjati, b’129 atleta raġel u 128 atleta mara, li jirrappreżentaw disa Clubs. Il-laqgħa, li ħadet madwar ħames sigħat, rat total ta’ 684 avveniment.
Waqt l-attività, Ella Fenech Attard stabbiliet żewġ rekords ġodda ta’Age Group B. Fl-avveniment tagħha tal-400m freestyle, Fenech Attard għelbet ir-rekord preċedenti ta’ Sophia Allen, fil-400m freestsyle, stabbilit fil-Gżira (12/12/2020), b’aktar minn erba’ sekondi meta għamlet ħin ta’ 5:02.41. Fid-distanaza ta’800m Freestyle Fenech Attard għelbet ir-rekord tagħha ta’ 10:32,14 (stabbilit fil-Gżira fis-16/10/2021) biex stabbilixxiet ħin ġdid ta’ 10:15,23)
Għall-ewwel darba, l-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku ta’ Malta ospitat heats speċifikament għall-għawwiema li jaqgħu fil-kategoriji tal-Masters, li huma miftuħa għal dawk ‘il fuq minn ħamsa u għoxrin sena. Din il-kategorija hija mmirata għal għawwiema ta’ eta ikbar, li jipprattikaw dan l-isport u jixtiequ jkejlu l-prestazzjoni tagħhom kontra għawwiema sħabhom tal-livell tagħhom. Din il-klassi li għadha kif ġiet introdotta intlaqgħet tajjeb u ġibdet livell tajjeb ta’ parteċipazzjoni.
L-avveniment li jmiss fuq il-kalendarju tal-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku ta’ Malta se jkun il-Laqgħa Internazzjonali tal-Għawm tal-Għid li hija skedata li ssir bejn il-21 u t-23 ta’ April.