L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, fit-tliet snin li ġejjin se tkun qed tiffinanzja madwar nofs miljun ewro fis-sena għal kampanji edukattivi tal-aġenzija Sedqa kontra l-użu tal-kannabis u drogi oħrajn.
L-iffirmar tal-ftehim, li jkopri sal-2027, ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Dr Joey Reno Vella, u l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li, b’dan il-ftehim ta’ koperazzjoni mal-ARUC, l-aġenzija Sedqa se tintensifika d-diversi programmi edukattivi kontra kull tip ta’ abbuż ta’ sustanzi fost l-istudenti u l-adulti.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, sostniet li issa l-ARUC se tkun qiegħda żżid b’59% l-investiment tagħha f’dawn il-kampanji, b’dan ikun it-tieni ftehim mas-Sedqa.
Hi nnotat b’sodisfazzjon ukoll kif stħarriġ tal-Ewrobarometru sab li l-liġi dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis li tista’ tiġi akkwistata legalment biss mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC, ma waslitx għal żieda fil-konsum tal-kannabis.