S’issa l-Awtorita għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, irċeviet sitta u għoxrin (26) applikazzjoni għal assoċjazzjonijiet li huma responsabbli mill-kannabis iżda għadha ma nħarġet l-ebda liċenzja.
Qalet dan Karen Mamo, uffiċjal tal-ARUC, fid-dawl ta’ rapporti fil-midja li wrew li kien qed isir bejgħ ta’ kannabis permezz tal-pjattaforma soċjali Telegram.
Il-grupp, bl-isem ta “The Klub”, kien qiegħed iwassal il-prodotti tiegħu permezz ta’ persuni li kienu qed jagħmluha bħala couriers tal-ikel.
Il-grupp kien magħmlu minn seba’ mitt membru.
Ftit tal-ħin wara li din l-istorja ġiet ippublikata, il-persuni li fetħu dan il-grupp bagħtu messaġġ jgħidu li kienu se jagħlqu dan il-grupp.
Fil-messaġġ tal-aħħar, dawn spjegaw li kienu applikaw għal liċenzja biex jiftaħ assoċjazzjoni legali tal-kannabis u li l-intenzjoni tagħhom kienet dejjem li jimxu mal-liġi.
Karen Mamo rrimarkat li hija vera sfortuna li hemm nies li qed jieħdu vantaġġ biex jagħmlu profitt minn riforma li hija ffundata fuq id-drittijiet tal-bniedem.
“Bħala liċenzjar ma ħarġet l-ebda liċenzja, jiġifieri l-ebda persuna ma ngħatat liċenzja hawn Malta. Jiġifieri kull persuna jew grupp li qiegħed, fuq il-mezzi soċjali jew mezzi oħra, jgħid li huwa cannabis club jew association, qed jidħak bin-nies u dak li jkun għandu joqgħod attent li ma jitħalliex li jintuża minn dawn il-gruppi għal skopijiet ta’ profitt.”
Karen Mamo
Intant, dwar dan il-każ, il-PulizZja min-naħa tagħha spjegat li diġà kienet qed isir investigazzjoni fuq dan il-grupp.
Karen Mamo mill-ARUC spjegat li l-persuni li se jkunu liċenzjati taħt sistema mill-iktar serja biex jipprovdu aċċess regolat b’ammont limitat ta’ kannabis għall-użu personali lil membri tagħhom biss.
Hija qalet li l-bidliet fil-liġi li jippermettu “użu responsabbli tal-kannabis” fil-limiti ma nnormalizzawx l-użu tal-kannabis, u lanqas ma inkoraġġixxew lin-nies biex jibdew jikkunsmawha.
Hija żiedet tgħid li l-irwol tal-Awtorità mhux li tippromwovi l-użu tal-kannabis iżda li tipprovdi sors regolat bħala alternattiva għas-suq irregolari.
“Mhux sempliċiment li, issa li għaddiet il-liġi, wieħed jista’ jikkonkludi li se jkun hemm żieda fl-użu. Fil-fatt, il-liġi mhix qiegħda hemmhekk biex tilliberalizza l-użu tal-kannabis iżda biex tiddekriminalizza, biex kemm jista’ jkun iżżomm lin-nies il-bogħod milli jxellfu difirhom mal-liġi, u problemi oħra”.
Karen Mamo
Karen Mamo spjegat li l-Awtorità nediet programm ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni meħtieġ għal dawk kollha involuti fil-Cannabis Harm Reduction AssociationsasoċjazzjonijietjIj.
Hija spjegat li l-assoċjazzjonijiet prospettivi f’dan is-settur se jkunu f’pożizzjoni li jaħdmu bi prattiċi studjati, li se jipprovdu informazzjoni lil riċerkaturi u dawk li jdasslu l-politika f’pajjiżna.
“Tkellimna fuq harm and risk reduction approach, u din hija l-ewwel darba li dan se jkun adottat għall-kannabis. Interessanti wkoll li se nkunu qed nagħmlu training sessions għall-assoċjazzjonijiet imma anke l-Awtorità se tkun qed tagħmel outreach campaigns għal min juża l-kannabis u stakeholders oħra.”
Karen Mamo