Artisti tal-ispettaklu, kumpaniji, impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom fl-industrija tal-ispettaklu, se jirċievu l-ħlas sħiħ tal-paga, b’xahar lura minn Novembru.Fi stqarrija konġunta mill-Ministri Miriam Dalli u Josè Herrera kien spjegat li minkejja li s-settur tal-performing arts ma twaqqafx għal kollox, ir-restrizzjonijiet fuq avvenimenti pubbliċi u laqgħat tal-massa kellhom impatt negattiv ħafna fuq l-artisti.
Mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet f’Ġunju, l-artisti kienu qed l-ħlas ta’ sitt mitt ewro fix-xahar, iżda issa b’din id-deċiżjoni, se jkunu qed jieħdu l-ħlas sħiħ ta’ tmien mitt ewro fix-xahar bħal ħaddiema oħra f’setturi vulnerabbli f’dan il-mument.
Il-Malta Enterprise, responsabbli mill-iskema ta’ ħlas ta’ pagi mill-Gvern, se tħallas l-ammont addizzjonali lill-artisti minn Novembru, fil-ħlas li se jingħataw f’Diċembru.
Fost l-artisti li se jibbenefikaw minn dan il-ħlas hemm dawk involuti fi produzzjonijiet teatrali, tal-opra jew taż-żfin, attivitajiet ta’ gruppi, orkestri jew baned, u attivitajiet ta’ artisti individwali bħal atturi, żeffiena, mużiċisti, lecturers jew kelliema.