B’investiment ta’ €200,000, il-Gvern nieda l-iskema tal-Culture Pass, fejn l-istudenti sa sittax-il sena jkollhom iċ-ċans li jgawdu minn produzzjonijiet artistiċi b’xejn.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Arti u l-Kultura José Herrera u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Hawnhekk tħabbar kif id-29 produzzjoni li kienu ġew aċċettati sabiex jagħmlu produzzjonijiet fl-iskejjel, din is-sena se jkunu aċċettati b’mod awtomatiku.
Il-Ministru Herrera qal kif is-settur tal-arti huwa kruċjali anke f’aspett ekonomiku u l-ebda edukazzjoni ma hija msejsa mingħajr dan is-settur importanti.
Qal, “Tfisser li aħna se nħajru produtturi ta’ programmi artistiċi u kreattivi illi jtellgħu produzzjonijiet u jħajru l-istudenti jattendu, imma flok ma jħallsu l-istudenti, inħallsu l-biljetti aħna.”
Il-Ministru Caruana qalet li permezz ta’ din l-iskema s’sissa gawdew 90,000 student u dan il-proġett jolqot lil madwar ħamsin skola f’Malta u f’Għawdex.
Spjegat, “Ħalli nrawwmu ġenerazzjoni li hija kolta, mhux biss edukata mhux tkun biss akkademikament kwalifikata imma li jkunu tfal kolti li kapaċi japprezzaw, kapaċi wkoll anke jannalizzaw u eventwalment ukoll jikkritikaw u forsi jipparteċipaw.”