L-artisti lokali, ‘The Busker’ u Kevin Paul, se jagħtu spettaklu fuq il-Fosos tal-Furjana, għall-festival tal-Isle of MTV, nhar it-Tlieta 18 ta’ Lulju.
Huma se jingħaqdu mal-artisti, OneRepublic, Alesso, Tom Grennan, Mimi Webb u Delta Goodrem.
The Busker huma grupp sinonimu lokalment, li rebħu wkoll bosta premjijiet. Huma rrappreżentaw ukoll lill-pajjiżna fil-Eurovision Song Contest, bil-kanzunetta ‘Dance Our Own Party’. Waqt dan il-festival, huma se jkunu qed idoqqu l-kanzunetta ‘Thinking About You’ għall-ewwel darba.
Kevin Paul huwa kantawtur Malti, rinomat fost l-oħrajn għall-parteċipazzjoni tiegħu f’X Factor Malta. Huwa se jkun qed iniedi wkoll kanzunetta ġdida f’dan l-avveniment.
Il-festival tal-MTV jattira eluf lejn pajjiżna kull sena, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Tul dawn is-snin, ra s-sehem ta’ artisti ta’ fama mondjali bħal Lady Gaga, Snoop Dog, David Guetta u Martin Garrix.
L-avveniment se jintwera fuq it-televiżjoni nhar il-15 ta’ Settembru, f’aktar minn 150 pajjiż.
Il-festival se jiġi segwit bl-Isle of MTV Malta Music Week, b’diversi parties madwar il-gżira.
Għall-biljetti, li huma b’xejn jew aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit www.isleofmtv.com