Il-jum tant mistenni minn dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika kummerċjali wasal, dan hekk kif illum se jkun qed jittella l-kunċert tal-Isle of MTV fuq il-Fosos tal-Furjana. Kunċert li għalih ġew f’pajjiżna artisti ta’ fama internazzjonali fosthom The Chainsmokers, DNCE, Jonas Blue u RAYE.
Apparti numru ta’ DJ’s u kantanti internazzjonali se jingħaqdu wkoll għadd ta’ DJ’s lokali li ser joffru spettaklu qabel jibda l-kunċert.
Fuq il-programm ONE NEWS BREAKFAST, Edward Zammit, mill-Awtorità Maltija għat-turiżmu qal li l-artisti waslu kollha f’pajjiżna u dalgħodu se jkunu qed jagħmlu l-ewwel provi tagħhom fuq il-palk tal-Isle of MTV. Ma setax jonqos, li dawn il-kantanti jingħataw merħba mill-ammiraturi Maltin tagħhom fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fil-fatt ilbieraħ filgħaxija fuq facebook tpoġġew numru ta’ ritratti flimkien ma’ dawn l-artisti.
Dawk li llejla se jkunu preżenti għal dan il-kunċert mistenni, jistgħu jsibu aktar informazzjoni fuq ONE.COM.MT dwar it-trasport u s-servizz tal-ferry.