Waqt it-tnedija tal-kunċert tal-Pink October b’risq il-Fondazzjoni Marigold, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, is-Sinjura Michelle Muscat, saħqet fuq l-importanza li tingħeleb il-biża’, għaliex il-biża’ qed tkun ta’ deterrent li qed iżomm lin-nies milli jeżaminaw lilhom infushom dwar il-kanċer tas-sider.
Is-Sinjura Muscat stqarret li “Ma jistax ikun li nħallu din il-biża’ tikkmandana. Il-biża’ tkun hemm jekk inti tinħeba taħt it-trab, u allura aħna b’din il-kampanja b’mod pożittiv ngħidu: ejja nneħħu l-biża’, ejja naffaċjaw il-biża’ ejja nħarsu lejn il-mera, niċekkjaw lilha nfusha u nħarsu ‘l quddiem biex anke jekk stess ikollna xi ħaġa, jkollna ċ-ċans li niġġildulha.”
Din is-sena l-fondazzjoni se tkun qed tikkampanja wkoll dwar il-kanċer fil-prostata u t-testikoli fix-xahar ta’ Novembru biex ikun hawn aktar għarfien fost l-irġiel ta’ kull età.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li inizjattivi bħal dawn iżidu aktar għarfien u appoġġ għal kawżi ġusti bħalma hi l-Pink October, permezz tal-arti u l-kultura.
Il-Ministru Bonnici qal li “Il-kultura hija lingwa li jifimha kulħadd u bis-saħħa tagħha nistħgu nagħmlu ħafna ġid, fosthom l-event li se nagħmlu għall-Marigold Foundation. Din hija xi ħaġa sabiħa mmens fejn ħa naraw mużiċisti u kantanti li ħa jagħtu spettaklu illi jafu li l-qligħ ta’ dak l-ispettaklu ħa jmur kollu għal Marigold Foundation.”
Kull min jixtieq jattendi għal dan il-kunċert imtella’ mill-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joe Brown, li se jsir nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru fi Pjazza Teatru Rjal, jista’ jikseb il-biljetti minn fuq is-sit www.kultura.mt. Id-dħul kollu minn dan il-kunċert se jmur għall-Fondazzjoni Marigold bħala parti mill-kampanja tal-Pink October.
Is-Sinjura Muscat temmet b’appell lill-pubbliku biex jattendi għal dan il-kunċert, għaliex il-flus miġbura waqt il-kampanja jmorru għal aktar riċerka dwar il-kanċer kif ukoll investiment f’apparat mediku li minnu jibbenefika l-poplu Malti.