Il-karattru ta’ Batman jiġbed l-għajn, hekk kif wieħed jirfes l-MFCC, f’Ta’ Qali, għal ‘Malta Kulinarja’, li mad-daqqa t’għajn taħsbu, li huwa magħmul miċ-ċikkulata bajda, iżda li kkonfermawlna li huwa kollu maħdum bix-xaħam.
Il-Malta Chefs Society, propju f’dan tmiem il-ġimgħa, għaddejja b’edizzjoni oħra ta’ ‘Malta Kulinarja’ fejn jittellgħu għadd ta’ kompetizzjonijiet ta’ sessjonijiet varji fejn jidħol ikel imħejji minn Chefs professjonali, li jesponu t-talent u l-livell kulinarju li jkunu laħqu.
Dawn iI-kompetizzjonijiet jinkludu ikel bil-majjal ta’ Malta, pasta dishes fejn l-għaġin irid ikun magħmul minn żewġ kuluri, u ikel kompost minn ħut li ma tantx jittiekel bħall-ħamiema, ċintorini, skorfni u oħrajn.
Waqt ‘Malta Kulinarja’ tittella’ wkoll kompetizzjoni tal-‘Cook and serve” fejn il-koki jippreparaw l-ikel filwaqt li jkun hemm persuna li sservi lill-mistiedna għall-ikel, f’ħin partikolari.
Jittellgħu wkoll kompetizzjonijiet bħal ‘Kaxxa Magħluqa”, Mystery Box fejn ic-Chefs ma jkunux jafu l-ingredjenti u jridu jsajru spontanjament 3 course meal, f’ħin ta’ sagħtejn.
Insemmu wkoll il-kompetizzjoni li jittrattaw id-deserti u l-kejkijiet, li wkoll iridu jsiru mill-bidu sal-aħħar f’sagħtejn.
Il-ġurija għal dawn il-kompetizzjonijiet kulinarji hija waħda internazzjonali, komposta minn tliet Norveġiżi, żewġ Ingliżi u tliet Taljani.
Il-qofol tal-‘Malta Kulinarja’ jintlaħaq it-Tnejn meta jitħabbar iċ-Chef of the Year.
Dr Paolino Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chefs Society stqarr magħna l-għan tal-Malta Kulinarja.
‘L-għan ewlieni tal-Malta Kulinarja huwa li wara sentejn li jkunu ilhom jistennew minn waħda għall-oħra huwa li jġibu l-platti li jkunu ittrenjaw fuqhom li jkunu għollew il-livell tagħhom, imbgħad hawnhekk jiġu jagħmlu l-pjattaforma li ntuhom aħna, u jkunu jistgħu juru lin-nies u l-industrija, x’ikunu għamlu f’dawn is-sentejn u fejn waslu bħala standards.’
Il-Malta Chefs Society permezz tal-‘Malta Kulinarja’ trawwem u tħares biex ’il quddiem, pajjiżna jerġa jkollu mill-ġdid anki tim nazzjonali ta’ Chefs. Tlabna lill-President tal-Malta Chefs Society Guido Debono jgħidilna għaliex dan huwa importanti.
‘Huwa unur li Malta jkollha tim nazzjonali taċ-Chefs, huwa unur għaċ-Chefs li jipparteċipaw u dan hu l-għan tagħna għall-Malta Kulinarja, aħna nsibu lil dawk li jkunu jridu jkunu nvoluti f’dan it-tim u li ngħinuhom milli nistgħu ħalli aħna nkunu wkoll f’dik l-iskala ma’ timijiet oħrajn barra minn Malta.’
U kif jgħid il-Malti, fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba, u qabel tlaqna, ħadna bukkun, u fil-veru sens tal-kelma, kilna l-kirxa magħhom.