Il-flokk tat-tim nazzjonali Ġappuniż li se jintuża f’din l-edizzjoni ta-Tazza tad-Dinja, huwa wieħed ferm interessanti! Fih hemm it-tradizzjoni, l-arti u l-kultura ta’ dan il-poplu, bl-inklużjoni tal-origami. L-origami hija l-arti Ġappuniża magħmula mill-karta mitwija. Dan il-flokk ġie varat proprju fit-23 ta’ Settembru li għadda, waqt logħba ta’ ħbibierija li l-Ġappuniżi kellhom kontra l-Istati Uniti fil-Ġermanja.
L-origami kienu ntużaw ukoll fiċ-ċelebrazzjoni tal-finali tal-edizzjoni tal-2002, fejn ittajjru madwar 3 milljun orizuru fuq Stadium Yokohama li llum huwa magħruf bħala n-Nissan Stadium. L-origami huma simbolu ta’ talb, ferħ u rebħ; bil-ponot tal-karta mitwija jirrapreżentaw it-tlugħ u l-inżul tat-tim Ġappuniż, tul is-snin.
Fuq dan il-flokk hemm ukoll il-bandiera Ġappuniża li tinsab fuq wara bejn l-ispallel biex tfakkar lill-plejers fir-responsabiltà li qed iġorru fuq spallejhom. In-numri tal-plejers saru bl-isfar minflok bl-abjad biex jidhru aħjar fuq il-mezzi tax-xandir. Minn ġewwa tal-għonq hemm ukoll strixxa ħamra li ntużat meta l-Ġappun rebħu t-Tazza Ażjatika fil-Qatar fl-2011.
Ritratt: Adidas Japan