“L-art u l-fondi huma lesti u allokati sabiex malli jinħarġu l-permessi jibda l-bini tat-trakka f’Ħal Far.”
Hekk qalilna s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima li spjega kif din tat-trakka b’investiment ta’ 20 miljun ewro mhux wegħda fierħa iżda waħda li ser tkun qed titwettaq fi żmien definit.
Huwa qal, “Illum nafu li l-art hija identifikata, għandna proġett. Nafu wkoll li hemm il-fondi li huma lesti mwarrba biex jiġu investiti f’dan il-proġett u daħħalna anke l-applikazzjoni quddiem l-awtorità tal-Ippjanar. Ta’ min wieħed jgħid li għandna timeframes ċari u definiti u wieħed irid ifakkar li kif ħabbarna fil-ġimgħat li għaddew apena jkun hemm il-ħruġ tal-permessi ta’ din il-faċilità sportiva aħna qed naraw li x-xogħol jiġi komplut fi żmien 18-il xahar.”
Dan jikkuntrasta bil-bosta mal-impressjoni li għal darba tnejn ipprova jagħti l-Kelliem għall-Oppożizzjoni Toni Bezzina.
Dan ipprova jdaħħal id-dubji dwar l-allokazzjoni tas-sit magħżula għat-trakka: “Għandna sitwazzjoni fejn ma ninsewx, ġimgħa qabel il-launch tal-metro kellna l-launch tat-trakka tal-karozzi għad-dilettanti tal-motorsport li kienet lokata Ħal Far iżda meta wieħed jidħol fil-fond ta’ dan ir-rapport isib illi fuq l-istess sit ġo Ħal Far stess il-Gvern qed jipproponi wkoll d-depot tal-maintenance tal-metro.”
Għal dan, is-Segretarju Parlamentari Grima spjega kif bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mad-disinjaturi li għandhom esperjenza kbira fil-qasam u li huma inkarigati mill-iddisinjar tat-trakka ta’ livell ta’ Formula 3.
Dan filwaqt li din ser tkun waħda versatili għad-dixxiplini differenti ta’ motorsport li jiġu ppratikati f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Grima stqarr: “Qegħdin f’diskussjonijiet mal-istess diżinjaturi sabiex nassiguraw li jkollok diversi dixxiplini li jiġu milqugħa ġo din il-faċilità fosthom anke d-dixxiplina marbuta mal-isport tal-muturi.”