Matul is-seduta parlamentari tal-lejla, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat kontra li jiġi ffirmat ftehim li bih iż-Żonqor u anki art f’Bormla jingħataw lura lin-nies.
Dan hekk kif fil-Parlament għaddiet riżoluzzjoni li permezz tagħha art verġni fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-American University of Malta se tingħata lura lin-nies, waqt li l-iSmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna.
Din il-mozzjoni se twassal ukoll biex il-Gvern jikseb lura art fl-iSmartCity li se tiġi allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-American University of Malta minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla, li kienet se tinbena.
Fl-iSmart City se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS, filwaqt li fiż-Żonqor se jsir il-park nazzjonali tal-Imwadar.