- CABS jgħidu li Segretarju Parlamentari Malti “qed jgħix fis-sħab”
Aktar minn terz tal-imnasab li qed jintużaw tul dan l-istaġun tal-insib fil-ħarifa mhumiex reġistrati u huma illegali, waqt li l-kumplament tas-siti permessi mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) f’siti Natura 2000 possibbilment imorru kontra r-regolamenti għall-ħarsien tal-ħabitats. Dan qalitu Birdlife Malta fi stqarrija li ppublikat ftit tal-ħin ilu.
BirdLife Malta u l-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) ħabbru li llum qed jiżvelaw ir- riżultati ta’ stħarriġ separat li għamlu tul l-istaġun tal-insib tal-2016, “wara diversi rapporti li tressqu quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar dwar numru ta’ siti tal-insib madwar Malta u Għawdex”.
Qalu li minn total ta’ 106 siti li tressqu minn BirdLife Malta, id-WBRU wieġbet li 49 ma kinux reġistrati (46%).
Min-naħa tagħha, l-CABS ressqet b’mod separat rapporti dwar 73 sit u rċeviet notifika li 19 minn dawn ma kinux reġistrati (26%). Il-maġġor parti ta’ dawn instabu fuq ħabitat li huwa xagħri protett. Birdlife qalet li dan ifisser li 68 sit minn total ta’ 179 mhumiex reġistrati u għalhekk huma illegali.
Birdlife qalet li bħalissa hawn 6,351 mansab li qed jintużaw bil-barka tad-WBRU, b’kull wieħed minn dawn kapaċi jieħu żewġt ixbieki tal-insib għal kull nassab. Id-daqs minimu għal kull xibka hu ta’ 38 metru kwadru li jfisser li l-art totali madwar il-Gżejjer Maltin okkupata minn dawn ix-xbieki tul l-aħħar staġun kienet tammonta għal mill-inqas 482,676 metru kwadru jew 48 ettaru.
CABS, li huwa kumitat barrani, kompla jinsisti li l-Administrative Law Enforcement (ALE) saret inqas effettiva. Sostna li l- argument li għax naqsu l-kundanni jfisser li naqas l-użu ta’ dan l-apparat ma jagħmel l-ebda sens. Insistew li l-ammont ta’ apparat tal-għajjat elettroniku għall- Pluvieri fil-kampanja u l-każi ta’ nsib matul il-lejl immultiplikaw fl-aħħar snin.
Fi kliem ċertu Axel Hirschfeld : “issa jew Roderick Galdes qed jgħix fis-sħab, inkella qiegħed apposta jipprova jċekken il-problema biex jiddevja mill-falliment totali tal-gvern li jikkontrolla l-insib illegali”.