L-art f’Ħondoq ir-Rummien, il-Qala, se tibqa’ għand in-nies u mhux mittiefsa wara li t-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li ma jkunx hemm żvilupp fil-post.
Dan id-deċiżjoni ttieħdet wara appell li għamlu l-iżviluppaturi, wara li fl-2016 l-Awtorità tal-Ippjanar ivvotat b’mod unanimu kontra dan l-iżvilupp.
Din id-deċiżjoni għalqet kwistjoni li damet għaddejja madwar għoxrin sena dwar il-potenzjal ta’ żvilupp f’din il-bajja f’Għawdex.
L-iżvilupp propost minn Gozo Prestige Hotels fuq art ta’ madwar 103,000 metru kwadru kien jinkludi lukanda ta’ ħames stilel b’110 kmarar, faċilitajiet ta’ parkeġġ, 25 villa, 60 appartament u yacht marina, fost oħrajn.
Dan il-proġett propost kien jinkludi li fin-nofs ikun hemm pjazza li tkun tinkludi knisja u kif ukoll ħwienet.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-Bord qal li għalkemm il-Pjan Lokali ta’ Għawdex u Kemmuna ppromwova r-riabilitazzjoni tal-pajsaġġ li sofra ħsara minn xi attività passata tal-barrieri, it-tip, l-iskala u d-densità tal-proġett propost jaqbżu bil-bosta l-interventi meqjusa aċċettabbli għaż-żona.
Nhar it-Tlieta li għadda, waqt id-diskors dwar il-Budget fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għal din il-kwistjoni u qal li dawk li ma waqfux jaħdmu biex jipproteġu l-Ħondoq għandhom l-appoġġ tiegħu.
“Diversi nies ta’ rieda tajba ma waqfux jaħdmu biex jippreservaw Ħondoq ir-Rummien u minn hawnhekk jiena ngħidilhom, jumejn qabel se jiġi deċiż l-appell mit-tribunal dwar iċ-ċaħda mill-permess, illi għandhom l-appoġġ kollu tiegħi, kif dejjem kellhom, biex jibqgħu jaħdmu biex jippreservaw dan is-sit fl-istat naturali tiegħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, f’messaġġ fuq il-Facebook, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-Tribunal li kkonfermat li f’Ħondoq ir-Rummien m’għandux isir żvilupp.
Il-Partit Laburista jilqa’ d-deċiżjoni dwar Ħondoq ir-Rummien
Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar li kkonfermat id-deċiżjoni li m’għandux isir żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien.
Il-Partit radd ħajr lir-rappreżentanti tiegħu li, tul is-snin, flimkien ma’ attivisti oħra, ħadmu qatigħ u bla waqfien bil-għan li jipproteġu dan is-sit f’Għawdex.
“Ħondoq ħieles” – is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg
Intant, f’kitba fuq Facebook, is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal li l-Ħondoq huwa ħieles.
Huwa rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom f’din il-kawża tul dawn l-aħħar għoxrin sena.