Ħafna nies jiftakru l-arroganza grassa tal-aħħar Amministrazzjoni Nazzjonalista. Amministrazzjoni Nazzjonalista li ma kinitx biss sfiduċjata fil-Parlament, iżda aktar minn hekk sfiduċjata mill-poplu sħiħ fl-elezzjoni ta’ Marzu 2013, sfiduċjata b’mod qawwi ħafna.
Iżda wħud jinsew dak li ġara wara. Għax jiftakru fl-elezzjoni li semmejt aktar ‘l fuq biss, u mhux dawk li ġew wara.Għalija dawk li ġew wara għandhom sinifikat aktar.Wara Marzu 2013 kien hemm żewġ elezzjonijiet oħra li kienu fl-istess marġini ta’ voti tal-2013. Rizultati li ma jistgħux jittieħdu għalihom waħidhom, iżda għandhom jitpoġġew f’kuntest li n-nies baqgħu jivvutaw kontra l-arroganza, arroganza li minkejja tliet telfiet elettorali wara xulxin, għadha hemm sal-llum.
L-Oppożizzjoni tal-llum, prattikament l-istess nies tal-2013, aqta’ xi stilla bħal Salvu Mallia li jsejjaħ lin-nies pesta għax ma jaqblux miegħu u xi David Thake li fiż-żmien il-PN kien jiftaħ idu biss biex jilqa’ il-kuntratti fl-ITS fost oħrajn u llum għandu l-wiċċ iħarrek fommu biex jitkellem fuq ħaddieħor, b’dan kollu qed turi li baqgħet fejn kienet, anzi marret lura.
Għax dan Simon Busuttil ħelu. Kull darba li istituzzjoni tgħid xi ħaġa li lilu ma togħġbux tarah joħroġ left, right and centre għaliha.
Meta xi ħaġa ddoqlu allura joħroġ ifaħħar. Kellna prova din il-ġimgħa bl-aktar mod ċar. Mela għax il-Ġimgħa l-Qorti tagħtu siġġu u banketta ma qal xejn kontriha, anzi mar fiss tal-Pietà jiċċelebra li għadu Kap tal-Oppożizzjoni (irnexxilu jgħaqqad il-poplu mingħajr ma jaf – hu u dawk ta’ madwaru ferħanin li għadhom hemm fl-Oppożizzjoni, u l-bqija tal-poplu ferħan li huma għadhom hemm ukoll), iżda mhux l-ewwel darba li ħareġ jattakka l-Qorti qabel meta tagħmel dak li hu ma jridx, insemmi l-każ work for votes f’Għawdex, meta huwa ssemma li kien jaf u m’għamel xejn.
Ilbieraħ imbagħad għax l-ispeaker tal-Kamra ta ruling kontra sieħbu Jason Azzopardi, ħarġu jgħidu li mhux se jibżgħu, li se jisfidaw u li l-ispeaker jista’ jinsa li kien se jirtira l-gideb li Azzopardi għamel fil-konfront ta’ Owen Bonnici.
Dan huwa atteġġjament ta’ min l-arroganza tiegħu m’għandha l-ebda limitu. Arroganza li l-poplu se jibqa’ jarmi. Arroganza li ħafna popli madwar id-dinja qed jarmu ‘l barra, qed jarmu l-establishment u l-elite. B’differenza, iżda jekk barra minn Malta kien hemm min beda jieħu l-messaġġ u forsi biddel il-mod kif jaħdem, hawn Malta, Busuttil ma tgħallem xejn u din l-arroganza li qatt ma telqet, se tibqa’ hemm.