L-arrest ta’ Mohammed Ali Ahmed Elmushraty ta’ 32 sena, magħruf bħala Lilu King, ġie meqjus bħala invalidu wara li l-Pulizija naqsu milli jinfurmaw lill-Maġistrat.
Dan wassal biex Elmushraty inħeles mill-arrest u ġie lliberat.
Huwa kien arrestat il-Ġimgħa għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu, wara li kien involut f’argument, f’Paceville li eskala hekk kif ħabat ma’ karozza oħra. B’hekk tressaq il-Qorti akkużat b’sewqan bi traskuraġni u b’mod perikoluż.
Dan apparti li ġie mixli li kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u li ma kellux polza tal-assigurazzjoni valida, barra akkuża rigward ksur ta’ kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja b’rabta ma’ każ preċedenti. Bħalissa, Elmushraty qiegħed fuq libertà proviżorja fuq tliet każijiet.
Hu mifhum li l-argument inqala’ wara li Elmushraty ra lill-eks tfajla tiegħu fil-vettura li ħabat fiha. Dan wassal biex is-sewwieq tal-vettura jittieħed l-Isptar Mater Dei iżda għażel li jitlaq minn jheddu hekk kif wasal.
Fil-Qorti s-Sibt filgħodu ntqal kif l-Ispettur Eman Hayman ordna l-arrest ta’ Elmushraty hekk kif kien jaf li kien involut fl-argument li nqala’ minħabba li qiegħed fuq libertà proviżorja.
Minkejja dan l-arrest, l-avukat tad-difiża Franco Debono staqsa jekk il-Maġistrat kinitx infurmata bl-arrest fi żmien sitt sigħat kif stipulat bil-liġi.
Wara li semgħet il-partijiet, il-Maġistrat Nadia Vella, iddikkjarat l-arrest invalidu permezz ta’ digriet fejn ikkonfermat kif il-Maġistrat tal-Għassa ma kienx inufrmat.
Minkejja l-invalidità tal-arrest, il-każ xorta se jkompli fosthom fejn mistenni jaffaċċja akkużi rigward il-ħabta allegatament b’mod deliberat waqt li kien qed isuq mingħajr liċenzja. Iżda dan se jkun qed jagħmlu mingħajr ir-riskju li jkun arrestat.