L-effetti negattivi fuq ir-residenti tal-Belt Valletta b’rabta mal-parkeġġ u l-miżuri tas-sigurtá li jridu jittieħdu tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ġew diskussi fis-seduta plenarja tal-illejla.
B’risposta għall-mistoqsija parlamentari, l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela stqarr li mix-xahar id-dieħel is-sitwazzjoni se titjieb. Il-whip tal-Oppożizzjoni, David Agius, staqsa jekk jistgħux jittieħdu xi miżuri biex din il-problema tiġi ndirizzata.
Il-Ministru Carmelo Abela wieġeb li s-sitwazzjoni se tkun simili għal dik tal-illum, nhat il-Ħamis u l-Ġimgħa sa kmieni wara nofsinhar hekk kif se jsiru l-laqgħat tal-Ministru tal-UE għall-intern u l-ġustizzja filwaqt li fl-ewwel jiem ta’ Frar se jsir is-summit tal-mexxejja tal-pajjiżi membri. Huwa spjega li t-toroq tal-Belt huma dojoq wisq biex wieħed iħalli karozzi pparkjati f’attivitajiet bħal dawn minħabba l-kwistjonijiet ta’ sigurtá.
Fi tweġiba tiegħu għall-mistoqsija tal-membru parlamentari, Ċensu Galea, elenka li ebda karozza ma ġiet ittowjata mill-Pulizija u li kienet karozza waħda biss li tneħħiet mill-parkeġġ li kienet fih għal ftit ħin hekk kif is-sid kien imsiefer.