L-armla tan-nutar Ivan Barbara, li miet bil-Covid-19 fl-Indja f’April tas-sena l-oħra meta l-koppja telgħet biex tadotta tifel, se titressaq il-Qorti u tiġi mixlija li ħadet ġurament falz.
L-akkuża li għandha quddiemha Rosanne Barbara Zarb hija relatata ma’ dikjarazzjoni li għamlet taħt ġurament waqt każ li allegatament jinvolvi allegata miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-klijenti ta’ żewġha.
Rapporti qalu li l-Pulizija ressqet l-akkużi kontra Barbara Zarb, ta’ 48 sena minn Raħal Ġdid, wara li minn investigazzjoni nli saret istab li allegatament gidbet fit-tweġiba tagħha lill-Maġistrat, li min-naħa tagħha qed tikkunsidra inkjesta dwar il-każ.
Allegatament, l-armla tan-Nutar Barbara rrinunzjat għall-wirt tiegħu, u ħalliet lill-klijenti ta’ żewġha f’limbu.
Matthew Sacco, Simon Mallia u Valerie Mallia, li kienu għaddew ċekkijiet lil Barbara li jammontaw għal total ta’ €30,650 fir-rigward ta’ ftehim ta’ konvenju li kienu ffirmaw, talbu li ssir inkjesta dwar jekk il-fondi tagħhom kinux miżapproprjati jew użati bi frodi.
Id-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ Barbara Zarb ġiet ippreżentata minn Barbara Zarb waqt proċeduri quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li kienet qed tikkunsidra t-talba tal-klijenti għal inkjesta.
F’Ottubru tas-sena l-oħra l-maġistrat qatgħetha li l-klijenti kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti għat-tnedija ta’ inkjesta. Barbara Zarb appellat dminn in id-deċiżjoni u r-riżultat għadu pendenti.
Fid-dikjarazzjoni ġuramentata, Barbara Zarb insistiet li qatt ma kienet iltaqgħet u lanqas ikkomunikat mal-klijenti ta’ żewġha u li huma għamlu “konnessjoni immaġinarja” li hi u żewġha wettqu negozju flimkien bħala konsegwenza taż-żwieġ tagħhom.
Il-provi se jitressqu quddiem il-Qorti mill-Pulizija waqt is-seduti. Sadanittant, il-Pulizija talbet lill-Qorti biex timponi interdizzjoni ġenerali fuq Barbara Zarb jekk tinstab ħatja. Dan ifisser li ma titħalliex tokkupa kariga pubblika jew taħdem mal-Gvern, u titlef ukoll id-dritt tal-vot tagħha.