L-armla ta’ Carmel Chircop qalet lill-investigaturi li r-raġel tagħha kien inkwetat dwar Adrian Agius fil-perjodu ta’ qabel l-omiċidju fl-2015.
Dan hekk kif is-Sibt kompla l-ġuri dwar żewġ omiċidji separati: dak ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u dak tal-Avukat Carmel Chircop.
Intqal li mill-investigazzjonijiet ħareġ kif l-Avukat Chircop kien sellef xi flus lil tal-MORE Supermarket, fejn wieħed mid-diretturi kien Adrian Agius.
Il-mara tal-Avukat Chircop ikkonfermat id-dejn u żvelat li Adrian Agius kien saħansitra offra villa bħala parti minn ftehim ta’ ħlas, li xorta waħda ma seħħx.
Ħareġ ukoll kif l-Avukat Chircop, apparti l-professjoni tiegħu, kellu negozju tal-proprjetà u kellu sehem u rwoli f’117-il kumpanija fosthom dawk internazzjonali.
Numru ta’ xhieda fil-Qorti qalu kif dakinhar tad-delitt semgħu sparatura għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu.
B’raġel li joqgħod fit-triq fejn seħħ il-każ irrapporta lill-Pulizija li sema’ tliet sparaturi u karozza telgħet minn il-post b’veloċità qawwija.
Fost diversi xhieda kien hemm uffiċjal mediku li xehed li ġie msejjaħ fuq il-post fis-7:50 ta’ filgħodu. Intqal li huwa mar fuq il-post u analizza l-katavru ta’ Carmel Chircop.
Sab ferita kkawżata minn arma tan-nar fiċ-ċentru tal-lemin taż-żaqq, kif ukoll oħra fin-naħa ta’ fuq tal-ġisem fuq il-lemin. Huwa kkonferma li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ ħajja.
Wara xehed uffiċjal tal-Pulizija li kien involut fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Chircop. Huwa xehed li wasal fuq il-post tal-omiċidju għall-ħabta tal-8:00 ta’ filgħodu.
Fuq il-post, tkellem ma’ persuna li kienet fil-viċinanzi, dilettant tal-arma qal li sema’ ħames tiri, li għalih dehru ġejjin minn pistola.
Il-Pulizija wkoll ikkonferma li kien ikkuntattja lill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni GO u Melita sabiex jinġabru informazzjoni dwar il-mobile tal-Avukat Chircop.