L-armi li nstabu f’qiegħ il-baħar ta’ Miġra l-Ferħa qed isirulhom testijiet forensiċi filwaqt li jinżammu f’ilma baħar f’laboratorju apposta.
Dan minħabba l-biża’ li jissaddu u allura l-analiżi fuqhom ma tkunx tista’ ssir b’mod sħiħ.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News qalu li l-investigaturi qed janalizzaw bir-reqqa dak li nstab u mhux eskluż li apparat għall-bomba li nstab f’basket apposta li jilqa’ għall-ilma, kien simili għal dak li ntuża fil-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt it-Times irrappurtat dan fejn semmiet ukoll li nstabu armi awtomatiċi fost armi oħra li kienu moħbija fil-baħar.
Ilbieraħ ONE News irrapporta li wara din is-sejba, kollox qed jipponta lejn l-aħwa tal-‘Maksar’, Robert u Adrian Agius.
L-aħwa tal-‘Maksar’ huma implikati f’każijiet kriminali kbar fosthom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.
It-Times irrappurtat li l-isplussiv għall-bomba li nstab fil-baħar huwa wieħed minn tlieta li allegatament tal-‘Maksar’ daħlu f’pajjiżna.
Intqal li bomba minnhom intużat fl-omiċidju ta’ Caruana Galizia u oħra ntużat fl-attentat ta’ qtil ta’ Romeo Bone.
Il-bomba fil-karozza li kien qed isuq Bone ħadet fl-20 ta’ Frar tal-2017 f’żona traffikuża fl-Imsida.
Huwa ma kienx miet iżda spiċċa tilef saqajh it-tnejn u ġarrab ġrieħi gravi.
Bone huwa isem magħruf mal-pulizija u kien implikat f’serq u anki fil-qtil ta’ Raymond Agius, missier l-aħwa tal-‘Maksar’ fil-Butterfly Bar, Birkirkara fl-2008.
Huwa qatt ma lissen kelma mal-pulizija wara l-isplużjoni.
F’xhieda fil-Qorti, Vince Muscat il-‘Koħħu’, li diġà ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u weħel 15-il sena ħabs, kien qal li George Degiorgio, iċ-‘Ċiniż’ kien saħaq li meta tal-‘Maksar’ tawh il-bomba biex toqtol lil Caruana Galizia kien qal li jispera li din mhux bħal ta’ Bone, b’referenza għall-fatt li l-bomba ma qatlitux.
Hawnhekk il-‘Koħħu’ qal li wieħed mill-aħwa tal-‘Maksar’ wieġeb liċ-‘Ċiniż’ li l-bomba għal Bone tpoġġiet mal-biebha li laqgħet l-isplużjoni filwaqt li dik għal Caruana Galizia se titpoġġa taħt is-seat.
Intant kien ONE News li żvela kif it-Tnejn filgħodu, f’Miġra l-Ferħa fl-inħawi tar-Rabat, kienet għaddejja operazzjoni tal-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
ONE News kien fuq il-post u seta’ jara bugħaddasa fil-baħar filwaqt li kien hemm preżenza tal-pulizija mit-taqsima tar-Reati Maġġuri u anki tad-Distrett.
Fil-fatt il-pulizija għalqet l-aċċess għaż-żona biex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li ġiet infurmata li fiż-żona magħrufa bħala Miġra l-Ferħa, ir-Rabat, kienu ntlemħu xi armi f’qiegħ il-baħar.
It-tfittxijiet fil-baħar bdew il-Ħadd fit-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar u damu sas-7:00 ta’ filgħaxija.
It-tfittxijiet komplew it-Tnejn filgħodu u ntemmu għall-ħabta tal-11:30.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella qed tmexxi inkjesta wara din is-sejba t’armi u materjal suspettat splussiv.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/22/nizvelaw-mhux-eskluz-li-xi-armi-misjuba-ntuzaw-fil-qtil-tal-lion-u-tat-tyson-butcher/
https://www.one.com.mt/2021/06/21/kollox-jipponta-lejn-tal-maksar-wara-s-sejba-tarmi-u-splussiv-fqiegh-il-bahar-ta-migra-l-ferha/
https://www.one.com.mt/2021/06/21/aggornat-jinstabu-armi-u-materjal-suspettat-splussiv-fmigra-l-ferha/