L-armi li nstabu f’qiegħ il-baħar ta’ Miġra l-Ferħa fl-inħawi tar-Rabat jista’ jkun intremew ftit qabel mal-aħwa tal-‘Maksar’, Robert u Adrian Agius ġew arrestati fi Frar li għadda.
L-armi nstabu f’basktijiet apposta li jilqgħu għall-ilma u issa qed jinżammu f’kontenituri bl-ilma baħar f’laboratorju apposta, għaliex il-mument li jinħarġu mill-ilma jistgħu jissaddu.
Rapport tat-Times jgħid li nstabu mal-erbgħin rifle u machine guns apparti apparat ta’ bomba, li huwa simili ħafna għal dak li ntuża fil-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
L-armi setgħu kienu parti min-negozju llegali tal-armi bejn grupp kriminali f’Malta u l-Libja.
Ilbieraħ ONE News irrapporta wkoll li mhux eskluż li xi armi setgħu ntużaw f’delitti li jmorru lura s-snin, fosthom dak ta’ Joseph Cutajar magħruf bħala l-‘Lion’ u Jonathan Pace tat-Tyson Butcher.
Jekk dan jiġi kkonfermat minn testijiet ballistiċi li jieħdu ż-żmien, ikun żvilupp importanti biex jiġu solvuti żewġ delitti oħra.
F’kumpilazzjoni fil-Qorti, fid-dar ta’ Robert Agius instabu, armi rreġistrati, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Fil-Qorti ntqal li fost l-affarijiet fid-dar ta’ Robert Agius fil-Baħrija instabu wkoll mobiles, SIM cards, starter packs kif ukoll revolver u munizjon, li kienu rreġistati fuq is-sieħba ta’ Robert Agius.
Robert Agius u Jamie Vella jinsabu mixlija li fornew il-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Caruana Galizia filwaqt li Adrian Agius huwa akkużat li huwa l-mandant fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.
ONE News jista’ jiżvela wkoll li mhux eskluż li l-pulizija Maltija se taħdem mal-Europol u l-Interpol fuq dawn l-investigazzjonijiet bil-għan li jiġu solvuti każijiet kriminali kbar li jmorru lura s-snin.
B’rabta mas-sejba tal-armi, wara tfittxijiet li saru l-Ħadd waranofsinhar u t-Tnejn filgħodu għaddejja inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella