L-Armenja mhux se tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, minħabba l-kriżi politika li hemm f’dan il-pajjiż.
Din il-kriżi waslet wara kunflitt imdemmi mal-pajjiż ġar tagħha, l-Ażerbajġan, dwar ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh.
Il-Ġimgħa fuq l-istazzjon nazzjonali tal-pajjiż intqal kif din il-kriżi politika waslet sabiex l-Armenja mhux se tieħu sehem fl-edizzjoni li jmiss fl-Olanda f’Mejju li ġej.
Lura fl-2016, l-organizzaturi tal-Eurovision kienu kkundanaw lill-parteċipanta ta’ dan il-pajjiż, Iveta Mukuchyan talli uriet il-bandiera tar-reġjun ta’ Karabakh wara li sar magħruf li għaddiet mis-semifinali.
Fl-2012, l-Armenja ma ħaditx sehem u bbojkotjat l-edizzjoni tal-Eurovision ta’ dik is-sena hekk kif din saret fil-kapitali tal-Ażerbajġan, Baku.