Il-Forzi Armati ta’ Malta qed tiċċelebra t-48 sena mit-twaqqif tagħha.
It-Tnejn filgħodu, din il-Forza tal-Ordni tant b’saħħitha f’pajjiżna fakkret dan l-anniversarju b’ċelebrazzjonijiet fil-Belt Kapitali.
Għall-ħabta tad-09:30 ta’ filgħodu, il-banda tal-Forzi Armati mmuntat gwardja tal-unur quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt, u tat is-salut lill-Kap Kmandant, il-Brigadier Jeffrey Curmi, u lill-President Marie-Louise Coleiro Preca, li spezzjonat il-gwardja tal-unur. Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.
Iċ-ċelebrazzjoni kienet segwita minn quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, li kienet iċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.
Madwar 1,700 suldat jiffurmaw parti mill-Forzi Armati ta’ Malta. Suldati li jaħdmu f’diversi sezzjonijiet fosthom fit-Taqsima Marittima, tal-Isplussiv, tal-Ajru u oħrajn responsabbli miċ-ċerimonji u avvenimenti Nazzjonali li jsiru f’pajjzina.
Il-Logotenent Kayleigh Gelfo fissret xi tfisser għaliha l-Forzi Armati ta’ Malta:
“Għall-AFM hija ġurnata importanti għax niċċelebraw il-Forza u l-ħidma tagħna matul is-sena”.
Sabiex tkompli tiċċelebra dan l-anniversarju, il-Forzi Armati ta’ Malta se torganizza Open Day għall-pubbliku li matulha se jkollu l-opportunità li jsegwi mill-qrib ix-xogħol tal-Armata.
Gelfo qalet li din se tkun “ġurnata sabiħa fejn se nesibixxu x-xogħol tagħna. Se tkun ġurnata għall-familja biex jitilgħu fuq l-assets tagħna”.
L-Open Day se ssir is-Sibt 20 ta’ Ottubru fil-Valletta Waterfront. L-attivitajiet se jibdew fit-15:00 ta’ waranofsinhar u jiqbgħu għaddejjien sal-23:00.