L-Arkivju Notarili se jieħu l-ħajja.
Dan permezz ta’ investiment ta’ erba’ mija u ħamsin elf ewro, issiġillat bi ftehim bejn l-Uffiċċju tan-Nutar Ewlieni tal-Gvern u l-Università ta’ Malta.
Il-Konsulent Storiku fl-Arkivju Notarili, Dr Joan Abela, spjegat li l-proġetti proposti għat-tliet snin li ġejjin huma bosta, fosthom il-ħolqien ta’ realtà vitwali storikament korretta, b’dettalji ġejjin mid-dokumenti f’dan l-arkivju.
B’hekk, dokumenti miktuba b’lingwa kultant diffiċli biex tifhimha, jkunu ppreżentati b’mod faċli.
Dr Joan Abela qal li “Dawn huma teżori imprezzabbli, u jekk ma niħdux ħsiebhom aħna u nassiguraw li jkunu hemm għall-posterità, inkunu tlifna parti kbira mill-identità tagħna.”
L-ewwel proġett f’dan is-sens, jittratta l-moda f’Malta fil-perjodu Ingliż. Suġġett li f’dan il-perjodu l-Arkivju hu mimli f’informazzjoni dwaru. Permezz tar-realtà virtwali, id-dettalji fuq il-karti se jieħdu ħajja iktar reali.
Dr Abela qalet li “Ħalli dak li jkun ikun jista’ jifhem iktar is-soċjetajiet ta’ qabel u dak kollu li kien jagħmel il-kuntest ta’ soċjetà taħt il-ħakma Ingliża. U f’dan il-każ il-moda, kif affettwat il-poplu Malti?”
U għalkemm dan il-proġett se jimpenjahom għas-snin li ġej, ġa hemm ideat għal x’jista’ jiġi wara.
Spjegat li “Kieku rridu nwettqu proġett, per eżempju kif bdiet tinbena l-Belt Valletta u nagħmluh dan proġett tal-Virtual Reality, aħna fl-arkivji għandna l-plots kollha li ngħataw fil-Belt Valletta bażikament mill-bidu tagħha. Tista’ inti tibda tibniha u tkun taf min kien joqgħod hemm, u min kien il-ġar ta’ min.”
Lil hinn mir-realtà virtwali, il-proġetti li l-Arkivju Notarili, li se jibdew minnufih, se jinkludu wkoll il-ħolqien ta’ Notarypedia, li se joffri aċċess għall-informazzjoni għal riċerka, u ferm iżjed.
Sostniet li “Allura ha jkun hemm assoċjazzjonijiet bħal jekk inkitbux papers akkademiċi fuq is-suġġett, hemmx xi forsi pitturi li jirrigwardaw is-suġġett, jew affarijiet oħra. Iġifieri ħa tifrex iktar ir-riċerka ta’ dak li jkun.”
Barra minn hekk se jkun hemm simulazzjoni kompjuterizzata ta’ kif dawn id-dokument jistgħu ikunu ppriservati aħjar.
Dawn il-proġetti, flimkien ma’ oħrajn, se jinvolvu għadd ta’ studenti fl-istudji tagħhom għad-Dottorat. Proġett li se jfisser l-impjieg ta’ numru ta’ uffiċjali tar-riċerka.
Il-konsulent storiku fl-Arkivju Notarili sostniet li din hi ħolma li ssir realtà, fejn l-arkivju mhux biss jiġi ppriservat, imma ppreżentat b’mod aċċessibbli lill-pubbliku.
Temmet billi qalet li “Qed inħarsu lejn il-kontenut, il-preservazzjoni, l-aċċessibbiltà tad-dokumenti u kif dawn inwassluhom lin-nies, u anke forsi lin-nies li sal-lum għadhom mhux daqsekk midħla ta’ kemm huma teżori dawn l-arkivji.”