Kien madwar 25 sena ilu li f’Għawdex inħass il-bżonn li tinfetaħ l-ewwel dar li fiha tibda tilqa’ l-persuni b’diżabilità.
Dar Arka f’Għajnsielem, illum il-ġurnata sservi ta’ kenn għall-għoxrin persuna b’diżabilità li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn għaxar snin u sebgħin sena.
Dan l-istazzjon tkellem mar-Rettur tal-Fondazzjoni Arka Dun Michael Galea li spjega wkoll kif maż-żmien, biswit l-Arka, infetħu żewġt idjar biex persuni b’diżabilità jibdew jgħixu fil-komunità.
“Għal bidu l-iskop kien li jitwaqqaf respite biex ġenituri li jkollhom tfal jew qraba b’diżabilità ikollhom fejn jistrieħu għal żmien qasir, imma maż-żmien Dar Arka qed tilqa’ fiha bħalissa 20 persuna b’diżabilità li jgħixu hemmek. Maż-żmien il-Fondazzjoni Arka fetħet ukoll żewġt idjar fil-komunità – Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu – hawnhekk għandna 10 persuni b’diżabilità li jgħixu ħajja normali fil-komunità, flimkien ma’ carer.”
Wara dawn is-snin kollha nħass il-bżonn li fil-binja prinċipali li fiha joqgħodu l-persuni b’diżabilità, isiru xogħlijiet importanti ta’ riġenerazzjoni.
“Bħalissa l-proġett prinċipali li għaddejja bih il-Fondazzjoni Arka hija r-riġenerazzjoni tal-ewwel sular ta’ Dar Arka, li ilha mibnija għal dawn l-aħħar 25 sena u nħass il-bżonn li jsiru dawn ix-xogħlijiet fuq l-ewwel sular. L-ewwelnett għaliex wara ċertu żmien l-affarijiet jibdew jeqdiemu u ma jibqgħux jaħdmu sewwa u anke llum jeżistu l-istandards tal-Awtorità tal-Istandards u aħna rridu nilħqu dak il-livell anke kif jixraq lil dawn il-persuni b’diżabilità li jgħixu hawnhekk.”
Dun Michael Galea qal kif f’dawn iż-żminijiet b’mod partikolari wieħed għandu juri solidarjetà sħiħa ma’ dawn il-persuni b’diżabilità u jgħinu f’dan il-proġett li se jkun qed jiswa mal-mitejn u ħamsin elf ewro.