Il-Prim Ministru Joseph Muscat ġab fix-xejn l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li l-ekonomija kibret għax żdiedet il-popolazzjoni.
Filwaqt li fisser dan ir-raġunament bħala fqir u fjakk, il-Prim Ministru qal li l-argument ta’ Delia huwa katastrofiku:
“U mela jiġi jgħidilna li kbirna bil-barranin. Teorija ekonomika fejn jidher li għandu konsulenti gwappi daqs ta’ qablu. Hija teorija ta’ Thomas Malthus li l-arugment tiegħu kien li pajjiż jista jiġi f’sitwazzjoni li ma jkollux biżżejjed ikel għan-nies. Bħalissa l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid qed tara sibt wieħed jaqbel miegħi. Il-problema hija li din hija teorija ta’ 220 sena ilu, meta kien fadal kważi 80 sena biex jiġi vvintat id-dawl elettriku. Sadattant, id-dinja mxiet ‘l quddiem u din it-teorija nużawha fl-ekonomija aktar biex nitbissmu bil-ħsibijiet biżżarri ta’ dak iż-żmien. Jgħidulha Malthusian catastrophe. Issa minn dak li smjana l-bieraħ għadna Delia catastrophe.”
Il-Prim Ministru qal li bl-argument ta’ Delia, l-akbar tkabbir ekonomiku kellu jirreġistrah is-Sudan t’Isfel għax kellhom l-akbar żieda fil-popolazzjoni. Madanokllu l-ekonomija f’dan il-pajjiż ċkienet b’sitb’6%.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru ta eżempju ieħor ta’ stat membru fl-Unjoni Ewropea.
“Bejn l-2013 u 2017 l-aktar pajjiż fl-UE fejn żdiedet il-popolazzjoni ma kinitx Malta iżda Lussemburgu. Suppost bit-teorija tal-poplazzjoni, la żdiedulhom in-nies aktar minna, kellhom jikbru aktar minna. Żdiedu popolazzjoni bi 13% u ekonomija tagħhom kibret bi 17%. Aħna popolazzjoni żdidna b’10% u ekonomija kabbarniha b’40%.”
Dr Muscat fakkar li żdiedet il-produttività u kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi għal kollox maqtugħa mir-realtà fejn issib bosta nies li jimpjegaw u jgħidulek li mhux isibu biżżejjed persuni biex jaħdmu.
Fil-Parlament il-Prim Ministru fakkar fis-sitwazzjoni minn fejn il-Gvern telaq lura fl-2013.
Minn pajjiż tad-defiċit u d-dejn ninsabu bl-ogħla surplus fl-istorja tal-pajjiż, saħaq il-Prim Ministru.
Hawnhekk qal li fl-aħħar sena ħallasna lura €210 miljun f’dejn u dan sar minkejja li Malta rreġistrat surplus u faddlet kważi nofs biljun ewro fil-fond nazzjonali tal-iżvilupp.
Huwa għalhekk li dan is-suċċess ekonomiku kattar ix-xogħol għax pajjiżna huwa fdat mill-investituri, saħaq Dr. Muscat.
Qal li f’ħames snin pajjiżna żied 46,000 post tax-xogħol.
“Dak li ħaddieħor bassar li se jilħaq f’20 sena, aħna ilhaqnih b’5 snin biss. Fl-2012, 45% tan-nisa kienu jaħdmu. Illum, 60%, 94,000 mara fis-suq tax-xogħol f’legat ta’ emanċipazzjoni. Bla indipendenza ekonomika m’għandekx indipendenza sħiħa. Childcare b’xejn li hu l-għira tad-dinja. In work benefit li naqqas dipendenzi u żied l-inċidentivi. Qħad fl-2012 kien 7,350 persuna, issa 1,800. Minkejja li żdiedu nies jaħdmu, minkejja l-barranin. Dan mhux biss Gvern li jaħdem, dan hu l-Gvern tax-xogħol.”
Il-Prim Ministru żied ifisser li l-argumenti ta’ Adrian Delia huma perikolużi għaliex jippruvaw jimminaw is-settur tax-xogħol waqt li sostna li meta tkun kontra n-negozju tkun kontra l-ħaddiema.
“L-ispiżjar milli jkollu jtik. Il-proporjon ta’ dawk jaħdmu fis-settur pubbliku naqas minn 27% fl-2012 għal 23%. Iżda biex tagħti servizz trid timpjega lin-nies. Jgħidulna ftit liema mill-250 tabib li mpjegajna mill-2017 jarahom żejda. Liema mill-460 nurse u paramediċi li mpjegajna huma żejda. Liema mis-600 għalliema u LSAs huma żejda. Liema mill-275 Pulizija huma żejda. Kemm tkeċċi tobba, nurses u għalliema? U jekk ma tkeċċix għid lill-istudenti tal-Universita’, MCAST, Junior College u Higher Secondary li qed jaspiraw għal karriera kemm minnhom mhux se timpjega.”
Il-Prim Ministru xejjen ukoll id-dikjarazzjoni ta’ Delia dwar l-ammont ta’ persuni li qal li ġew jaħdmu f’Malta s-sena li għaddiet.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sfida wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex wara li lbieraħ semma ħafna kumpaniji, jmur jitlob inkjesta fuqu nnifsu kif għamel hu wara li nqabad ma jħallasx it-taxxa.