B’investiment totali ta’ kważi żewġ miljun ewro u nofs, u ħidma ta’ madwar sena u nofs, se jinfetħu mill-ġdid il-ġonna tal-Argotti mifruxa fuq medda ta’ mitejn tommna art b’valur ambjentali kbir. Dawra f’dan is-sit turi l-ħidma sfiqa li twettqet, b’pavimentar u swar nodfa u miżmuma tajjeb, kif ukoll pjanti u siġar ikkurati. Il-perit tal-proġett Roderick Spiteri tkellem dwar bosta sfidi li ħabbtu wiċċhom tul ix-xogħlijiet fosthoml-għeruq ta’ xi siġar li kienu qed jimbuttaw il-ħitan tas-sur ’il barra.
“L-iktar soluzzjoni faċli kienet li jinqalgħu s-siġar biex l-għeruq ma jkomplux jagħmlu l-ħsara. Iżda flok sar hekk iddeċidejna li niżmantellaw ftit il-ħajt ġebla ġebla u ninnumerawh. Jinbena ħajt tal-konkos li jipproteġi s-sur minn mal-għeruq tas-siġar. Isiru anti-rooting membrane ukoll mas-siġar. U jerġa’ jinbena s-sur kif kien oriġinarjament ġebla wara ġebla.”
Permezz ta’ sengħa kbira u b’sistema innovattiva ġie mħares il-wirt storiku u anke s-siġar ta’ dan il-ġnien. Ġnien li kien ilu ’l fuq minn mitt sena qabel ma nbidel fi ġnien botaniku fl-1855. Il-Perit Spiteri spjega kif ir-riġenerazzjoni tal-ġonna botaniċi bdew f’April tas-sena li għaddiet, filwaqt li r-restawr u t-tindif tas-swar u l-ħitan tal-madwar beda f’Settembru ta’ qabel. Kien innutat kif f’dan il-ġnien kienu neqsin is-servizzi ta’ dawl u ilma.
“Ha jkollna servizzi ta’ dawl mal-ġnien kollu (se jkun imdawwal bil-lejl), servizzi irrigation, cctv cameras għax sfortunatament bħal kull post ieħor tal-ġnien ġie vvandalizzat. U saret sistema ġdida ta’ irrigazzjoni.”
Dan flimkien mat-tiswija tat-tliet funtani eżistenti, li waħda minnhom biss kienet taħdem. Barra minn dan, il-faċilitajiet sanitarji li qabel kienu fid-dħul tal-ġnien, iċċaqalqu għal post inqas prominenti. Il-Perit Spiteri spjega li minkejja li din il-parti tal-proġett tlestiet, dan kollu huwa parti minn proġett ikbar għal din iż-żona, hekk kif l-Argotti jinsab imdawwar b’ġonna oħra, fosthom il-Ġnien ta’ San Filippu, fejn sar xi restawr fuq il-funtana ta’ Wignacourt.
“Hemm il-ħsieb li dawn il-ġonna jkunu magħqudin flimkien b’investiment ieħor iktar il-quddiem u jsir proġett ieħor li jgħaqqad dawn iż-żewġ ġonna biex ikun rriġenerat il-ġnien ta’ San Filippu.”
Dan bil-ħsieb li fil-ġejjieni jsir proġett li jiġbor flimkien anke l-Mall u l-Ġnien tal-Bonsia. B’hekk issa l-pubbliku jista’ jgawdi dan il-ġnien fis-sbuħija kollha tiegħu, bil-ħsieb li ż-żona kollha tingħata l-glorja li jistħoqqilha.