F’finali li qatgħet in-nifs ta’ kull persuna li tħobb il-logħba tal-ballun, it-tim tal-Arġentina rebaħ it-Tazza tad-Dinja 2022.
Din hija t-tielet Tazza tad-Dinja li marret lejn l-Arġentina wara dik tal-1978 li kienet intlagħbet l-Arġentina stess u dik tal-1986 li kienet saret fil-Messiku.
L-iskor infetaħ fit-tlieta u għoxrin minuta permezz ta’ penalty li ngħata minn Lionel Messi b’xutt baxx angulat. Dan wara li Ousmane Dembélé għamel foul fuq Angel Di Maria fil-kaxxa.
L-Arġentini reġgħu sabu x-xibka tlettax-il minuta wara sensiela ta’ passes insidjużi li fetħu beraħ id-dfifiża Franċiża. Il-gowl wasal permezz ta’ konklużjoni minn Ángel Di María fis-sitta u tletin munita wara li rċieva l-ballun mingħand Alexis Mac Allister.
Madanakollu, minkejja li t-tieni taqsima kienet kajmana kien fit-tmenin minuta li il-Franċiż Kylian Mbappe tefa’ l-ballun fix-xibka permezz ta’ penalty b’xut angulat fil-baxx.
Kien biss disgħin sekonda wara li azzjoni impressjonanti oħra ta’ Mbappe terġa’ tkun suċċess biex b’hekk kiseb id-draw għat-tim Franċiż u l-logħba marret għal ħin miżjud.
Kien fit-tieni parti tal-ħin miżjud, propju fil-mija u disa’ minuta li azzjoni f’waqtha Messi qabad lill-gowler Franċiż Hugo Lloris fuq sieq waħda u l-barra mil-lasta. Minkejja li Dayot Upamecano kien pprova jtajjar il-ballun, dan xorta waħda qabeż il-linja.
Madanakollu, dan ma kienx biżżejjed biex jisiġilla l-finali wara hands ball fil-mija u tmintax-il minuta minn Leonardo Paredes fil-kaxxa.
Kylian Mbappe rnexxilu jikkonverti il-penalty fit-tielet gowl għat-tim Franċiż, biex għat-tieni darba f’din il-partita reġgħu ġabu d-draw.
B’hekk il-partita kellha tgħaddi għall-penalties biex ikun deċiż ir-rebbieħ.
Kienu l-Franċiżi Kingsley Coman u Aurélien Tchouaméni li fallew iż-żewġ penalties rispettivi biex b’hekk kien jonqos biss li Gonzalo Montiel li kkonverta l-penalty rebbieħ u wasal biex għalaq il-finali.
B’hekk il-logħba spiċċat bl-iskor ta’ tlieta bi tlieta u erbgħa bi tnejn fl-istadju ta’ penalties għat-tim Arġentin.
Interessanti l-fatt li qabel bdiet il-partita, kienu erba’ plejers li setgħu jispiċċaw fiċ-ċans li jkunu l-aktar plejers illi jiskurjaw f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Fuq quddiem kien hemm l-Arġentin, Lionel Messi u l-Franċiż Kylian Mbappe, li t-tnejn li huma kienu skurjaw ħames gowls kull wieħed tul il-kompetizzjoni.
Magħhom kien hemm ukoll l-Arġentin Julian Alvarez u l-Franċiż Olivier Giroud li qabel bdiet il-partita skurjaw erba’ gowls kull wieħed.
Iżda bil-gowls li rat din il-partita kien Kylian Mbappe li skorja l-aktar gowls, totall ta’ 8, tul it-turnew biex b’hekk rebaħ iż-Żarbun tad-Deheb ta’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Qabel bdiet l-aħħar partita ta’ dan it-turnew, il-Lusail Stadium, bi madwar tmienja u tmenin elf spettatur, ospita spettakklu liema bħalu li laqa’ fih it-talent ta’ bosta artisti, biex tingħalaq din il-kompetizzjoni li f’kull edizzjoni tagħha tgħaqqad lid-dinja kollha ssegwi l-logħba tal-ballun.
Iċ-ċerimonja tal-finali bdiet bid-diska ‘It’s a Wonderful World’ interpretata mill-artista Qatar Dana u damet għal madwar għaxar minuti qabel mal-plejers taż-żewġ timijiet ħarġu għal-warm-up.