It-Tlieta filgħaxija l-Arġentina sar l-ewwel pajjiż li kkwalfika għall-finali ta’ nhar il-Ħadd meta fis-semifinali rebaħ 3 – 0 kontra l-Kroazja.
Indubjament l-Arġentina kienu l-aħjar tim fil-konfront fejn prattikament iddominaw mill-bidu sal-aħħar bil-Kroazja jkunu biss id-dell ta’ dak li rajnihom jagħmlu matul din l-edizzjoni. Għall-Arġentina spikkaw il-captian Lionel Messi u Julian Alvarez li kienu fl-aqwa forma possibli li wasslet għal din ir-rebħa meritata.
L-Arġentina marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta huma ngħataw penalty għall-fawl tal-goalkeeper Dominik Livakovic fuq Julian Alvarez, b’Lionel Messi ma’ jagħti ebda ċans lil Livakovic sabiex isalva u l-iskor isir 1 – 0.
Ħames minuti wara l-Arġentina jagħmluhom tnejn b’konklużjoni mill-isbaħ t’Alvarez biex sa’ tmiem l-ewwel taqsima l-Arġentina kien b’sieq waħda fil-finali.
Matul it-tieni 45 minuta l-Kroazja prattikament ma’ ħolqu xejn anzi kienu l-Arġentina li baqgħu jiddettaw il-logħba. Fid-69 minuta l-Arġentina issiġilaw ir-rebħa b’azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Messi u konkluża minn Alvarez biex l-iskor sar 3 – 0. Minn hawn il-quddiem l-Arġentina komplew jikkontrollaw biex meritatament għamluha għall-finali tal-Ħadd 18 ta’ Diċembru.
Ritratt: Getty Images / BBC