L-Arċisqof Charles Scicluna rreaġixxa għar-rapport dwar mijiet t’eluf ta’ każijiet ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru fi Franza.
Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa ġie ppubblikat rapport t’inkjesta marbut mal-Knisja Kattolika Franċiża, l-Arċisqof Malti, Charles Scicluna rreaġixxa għal dan l-aħbar xokkanti, fejn sostna li hemm bżonn li tittieħed azzjoni kollettiva mill-Knisja.
Huwa qal li hemm bżonn t’azzjoni determinanti u pożittiva, hekk kif il-mijiet ta’ eluf ta’ vittmi huma lkoll parti mill-istess Knisja.
L-Arċisqof innota li skont l-istess espert li ħejja dan ir-rapport, dawn iċ-ċifri huma biss tlieta fil-mija ta’ każijiet ta’ abbuż fi Franza, u għalhekk dan ir-rapport għandu jservi ta’ bidu ta’ proċess li jwassal sabiex dan kollu jieqaf.
Huwa stqarr li ma hemmx bżonn ta’ liġijiet ġodda, iżda s-soluzzjoni tinsab fil-mod ta’ kif jiffurmaw il-komunitajiet, u permezz ta’ moniteraġġ tal-persuni waqt it-taħriġ sabiex isiru qassisin.
L-Arċisqof Scicluna temm jgħid li sabiex issir ġustizzja mal-vittmi, hemm bżonn li dawk responsabbli jwieġbu għal dak li għamlu, filwaqt li l-vittmi jkunu mgħarrfa b’dak li jkun għaddej fil-każ.