Fil-jum li l-Knisja Kattolika tfakkar l-erwieħ, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna talab maħfra għal dawk li ndifnu f’dik deskritta bħala l-“miżbla”, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
F’omelija li għamel fil-Knisja Neo-Gotika taċ-ċimiterju, Monsinjur Scicluna spjega li l-ħajt li kien hemm bejn dawk midfuna b’mod sagru u dawk le, waqa’.
Monsinjur Scicluna qal: “Hawn midfunin nies li meta ndifnu, bejn dawk li mietu f’paċi mal-Knisja u huma kien hemm ħajt. Illum dak il-ħajt waqa’. U jiena nixtieq nitlob maħfra tal-ħitan li bnejna biex nifirdu l-mejtin tagħna.”
Wara li kkonċelebra l-quddiesa li fakkret il-mejtin kollha, l-Arċisqof bierek l-oqbra.
L-Arċisqof ta’ Malta poġġa fjuri u bierek il-qabar tal-ex Deputat Prim Ministru Laburista u anki deputat mexxej tal-Partit Ġuże Ellul Mercer.
Mercer li miet fl-eqqel tal-kwistjoni politika-reliġjuża tas-sittinijiet kien interdetjat bid-dnub il-mejjet u kien ndifen fil-parti mhux ikkonsagrata taċ-ċimiterju tal-Addolorata, magħrufa bħala l-“miżbla”.
Monsinjur Scicluna poġġa l-fjuri wkoll fuq il-qabar tal-immigranti li mietu f’traġedja fil-bahar li seħħet erba’ snin ilu u anki fuq il-qabar tat-trabi mhux mgħammda.