Fil-messaġġ tiegħu f’Jum il-Milied, l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna tenna li din is-sena rat eluf ta’ vittmi li tilfu ħajjithom minħabba l-gwerra fil-Lvant Nofsani.
Qal li s-sena d-dieħla se tkun sena importanti ħafna għal pajjiżna, hekk kif se niċċelebraw is-sittin anniversarju minn meta Malta saret indipendenti, u ħamsin sena minn Malta saret Repubblika.
Monsinjur Scicluna semma l-importanza tal-innu nazzjonali ta’ Dun Karm Psaila, li jitlob lil Alla jseddaq fostna l-għaqda u s-sliem.
Qal, “L‑għaqda tiġi msejsa meta nirrispettaw lil xulxin mhux biss bil‑kliem u bil‑ħsieb, imma anke bl‑għemil tagħna. Is‑sliem bejnietna huwa wkoll garanzija ta’ kwalità sabiħa tal‑ħajja. L‑għaqda u s‑sliem huma valuri importanti li aħna niċċelebraw u nixtiequ lil xulxin f’dawn il‑jiem tal‑Milied.”
L-Arċisqof semma li f’dan iż-żmien ta’ festi, il-Knisja qed tfakkar anniversarju importanti, dak ta’ tmiem mitt sena minn meta sar l-ewwel presepju.
Monsinjur Scicluna tenna li l-messaġġ tal-Milied huwa messaġġ ta’ tama u qal li għandna ningħaqdu mal-ewwel qaddis Malti, San Ġorġ Preca u ngħidu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.”
Stqarr, “Fuq Malta tagħna, hija u tibda tiċċelebra b’ferħ kbir anniversarji importanti, bħalma huma l‑Indipendenza u r‑Repubblika, nitolbu fuqha dak li għallimna nitolbu l‑poeta nazzjonali: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem.”