Permezz ta’ ċirkolari li qed tinqara fil-knejjes kollha madwar il-pajjiż f’dan tmiem il-ġimgħa l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar lill-ġenituri Kattoliċi li fl-għażliet li jagħmlu fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, għandhom id-dover li fl-iskola jagħżlu t-tagħlim tar-reliġjon.
L-Arċisqof Scicluna jargumenta li l-ġenituri fir-responsabbiltà li għandhom, li minn meta l-ulied ikunu għadhom żgħar, jgħinuhom biex jikbru fil-fidi bl-eżempju u bil-kelma, u billi jaraw li jirċievu l-formazzjoni meħtieġa.
L-Arċisqof, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-formazzjoni reliġjuża fil-ħajja tal-familja, qal li l-komunità parrokkjali u l-iskola ma jeħdux post il-ġenituri imma huma kumplimentari għalihom.
L-Arċisqof qal li l-isfond ta’ dan kollu, qed tkompli l-ħidma biex it-tagħlim tar-reliġjon jiġi aġġornat, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, u jkun ta’ għajnuna għall-istudenti.
Mistoqsija parlamentari imwieġba fl-aħħar ġimgħat uriet li fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-istat hemm iktar minn elfejn u tliet mitt student li ma jattendux għal lezzjonijiet tar-reliġjon, b’uħud jagħżlu li jieħdu lezzjonijiet tal-etika għalkemm oħrajn ma jieħdu ebda minn dawn.